Tliet eks Presidenti Pollakki, fosthom Lech Walesa, ħeġġew lill-Unjoni Ewropea biex tiddefendi s-saltna tad-dritt f’pajjiżhom, li qalu jinsab mhedded mill-Gvern.
Waqt li rreferew għar-riforma tal-Qorti Suprema li tidħol fis-seħħ fit-3 ta’ Lulju, qalu li l-Gvern kien qed jikser sfaċċatament il-Kostituzzjoni Pollakka.
Il-Presidenti, li jinkludu wkoll lil Aleksander Kwasniewski, tax-xellug, u lil Bronislaw Komorowski, liberali, qalu li l-Unjoni Ewropea hi l-aħħar livell amministrattiv li jista’ jiddefendi s-saltna tad-dritt fil-Polonja fi stqarrija li kienet ippubblikata fil-ġurnal liberali Gazeta Wyborcza.
Apparti l-presidenti, l-istqarrija kienet ukoll iffirmata minn erba’ eks Prim Ministri, erba’ eks Ministri tal-Affarijiet Barranin u diversi dissidenti ta’ żmien il-komuniżmu. Fl-istqarrija huma appellaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jibqgħu leali lejn il-prinċipji fundamentali tat-trattat tal-UE li jiggarantixxi s-saltna tad-dritt.
L-Unjoni Ewropea diġà ħadet azzjoni dwar l-aġir tal-Gvern Pollakk u f’Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għall-proċedura bla preċedent li tista’ twassal biex Varsavja titlef id-dritt għall-vot jekk tkompli bir-riformi li qed jitqiesu bħala “theddida sistematika” għas-saltna tad-dritt.
Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE, fis-26 ta’ Ġunju se jerġgħu jiddiskutu l-Polonja.
Iħeġġu lill-UE tħares is-saltna tad-dritt fil-Polonja


