Filwaqt li l-attenzjoni hi kollha fuq it-Tazza tad-Dinja li se tibda għada, il-FIFA, illum, se tħabbar min se jorganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2026. L-għażla hi bejn żewġ kandidaturi.
Waħda minnhom hi dik maqgħquda bejn il-Kanada, l-Istati Uniti u l-Messiku filwaqt li l-oħra hi tal-Marokk.
Id-deċiżjoni se tittieħed waqt it-68 Kungress tal-FIFA li jridu jagħżlu bejn dawn it-tnejn. Ta’ min jinnota li jekk il-FIFA ma tagħżel l-ebda kandidatura, jerġgħu jiftħu l-applikazzjonijiet u d-deċiżjoni tittieħed sena oħra. Jekk kemm-il darba jsir dan, l-erba’ pajjiżi li tefgħu l-kandidatura ma jkunux jerġgħu jistgħu jagħmlu dan.
L-aħħar darba li l-Istati Uniti organizzat it-Tazza tad-Dinja kien lura fl-1994 filwaqt li l-Messiku kien organizza t-Tazza tad-Dinja tal-1970 u l-1986. Il-Marokk qatt ma organizza t-Tazza tad-Dinja.
Matul l-aħħar xhur il-Kumitat Tekniku tal-FIFA żar l-erba’ pajjiżi biex jevalwa u jagħti vot. Il-kandidatura tal-Istati Uniti, tal-Kanada u tal-Messiku ġabet 4.0 minn 5 filwaqt li dik tal-Marokk ġabet 2.7 minn 5.
Madankollu dan il-vot mhux bilfors jindika min se jirbaħ id-dritt li jorganizza t-Tazza tad-Dinja. Per eżempju fl-2010, il-kandidatura tal-Istati Uniti kienet ġabet aktar punti minn dik tal-Qatar imma eventwalment il-Qatar rebaħ id-dritt li jorganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2022.
Ta’ min jiftakar ukoll li l-edizzjoni tal-2026 se tkun l-ewwel waħda li fiha se jkunu qed jieħdu sehem 48 tim u mhux 32.
B’hekk, l-edizzjoni mistennija ddum aktar mis-solitu jew inkella se jintlagħbu aktar partiti matul il-ġranet. Barra minn hekk, it-Tazza tad-Dinja tal-2026 mistennija terġa’ ssir fis-sajf wara li dik tal-2022 se ssir fix-xitwa.
//= $special ?>