Lokali

“Investiment serju, bżulija u talent iwasslu għal suċċess fit-tul” – Adrian Delia

Investiment serju li jingħaqad mal-bżulija u t-talent tal-ħaddiema Maltin, dejjem iffjorixxa u kompla jikber u jissaħħaħ tul is-snin. Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara fil-fabbrika Trelleborg f’Ħal Far.

Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista intlaqgħet mid-Direttur Maniġerjali ta’ Trelleborg f’Malta Martin Hignett u t-tim tal-management tal-kumpanija. Martin Hignett tkellem dwar l-istorja ta’ Trelleborg f’Malta, li tmur lura għal 57 sena kif ukoll dwar il-pjani għall-futur.

Il-fabbrika Maltija twaqqfet fl-1961 bħala sussidjarja tal-fabbrika Ingliża Dowty. Oriġinarjament, il-fabbrika kienet ibbażata fil-Marsa u kienet tħaddem 60 persuna. Illum, Trelleborg tħaddem 550 persuna minn żewġ kumplessi f’Ħal Far u fil-Marsa.

Trelleborg tissuplixxi madwar 25 miljun O-Rings fil-ġimgħa lil diversi klijenti mifruxa madwar d-dinja, bil-klijenti prinċipali jkunu mill-qasam tal-avjazzjoni u tal-karozzi, fosthom kumpaniji ewlenin bħal Volkswagen, BMW u Ford.

Il-kumpanija qed tħares ukoll ‘il quddiem u kompliet tinvesti f’iktar teknoloġija avvanzata. Fil-fatt, l-iktar investiment riċenti ta’ Trelleborg ta’ madwar €4.5 miljun hu iffukat fuq ir-robotika u 3-D printing.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-PN kien hemm ukoll il-kelliema għall-Ekonomija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni Kristy Debono, il-President ta’ Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista Ivan Castillo u l-kandidat David Vassallo.