Il-kampanja #StopStigma ssuktat it-Tlieta filgħaxija permezz ta’ kunċert bit-tema ‘THIS IS ME’, li kellha l-għan li tiċċelebra s-saħħa mentali permezz tal-arti kreattiva.
Kienu bosta l-kantanti, letturi, żeffiena, awturi u saħanstra pittur li kkontribwixxew għas-serata biex jitwassal il-messaġġ t’għarfien dwar kundizzjonijiet li jistgħu jmissu lil kulħadd.
F’messaġġ ta’ sostenn u kurraġġ , il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, faħħret ix-xogħol kbir ta’ din il-kampanja li għandha l-għan li tagħmel differenza u ddakkar kultura ta’ kuxjenza fil-poplu Malti. Hija wriet it-tħassib tagħha għal kif tnejn minn kull tliet persuni li għandhom xi diżordni mentali ma jfittxux għall-għajnuna.
Għalhekk, it-tema tal-kreattività elenkata għall-kampanja #StopStigma din is-sena għandha tgħin biex tinħoloq kuxjenza fost il-familji, komunitajiet lokali u s-Soċjetà Maltija.
Il-kunċert ittella’ mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali u l-Università ta’ Malta fis-Sala Sir Temi Zammit ġewwa l-istess Università.
Fid-daħla tas-sala, ittellgħet ukoll wirja ta’ pittura b’rabta mal-kampanja b’dawk preżenti li kitbu nota relatata mas-saħħa mentali fuq stilel tal-karti biex jiddekoraw siġra żgħira nstallata fil-wirja.
//= $special ?>