Internazzjonali

L-Italja trid tieħu s-SAR ta’ Malta

"Malta titħallas biex tieħu ħsieb is-SAR" - Toninelli

Il-Ministru tal-Infrastruttura Danilo Toninelli insista li l-Italja tieħu ż-żona marittima Maltija (SAR) ladarba “l-Maltin mhux kapaċi jlaħħqu.” Toninelli, Senatur tal-partit 5 Stelle, qal dan f’kummenti lill-ġurnalisti.

Immedjata r-risposta tal-Gvern Malti li ddikjara li d-dikjarazzjonijiet ta’ Toninelli huma skorretti, nieqsa minn bażi politika u legali u juru li l-Ministru Taljan mhux infurmat sew inkella jixtieq joħloq kontroversja bla bażi.

Fl-aħħar sigħat kien konfermat ukoll li Malta ma kisret l-ebda obbligi tagħha. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker iddikjara li Malta mxiet skont l-obbligi internazzjonali fil-każ Aquarius.

U l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa u Roberta Metsola, waqt dibattitu Parlamentari matul is-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu, iddikjaraw li l-Italja u Malta wettqu aktar mill-parti tagħhom ta’ responsabbiltà fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.

“Wasal iż-żmien li s-solidarjetà ssir azzjoni. Ejjew noħolqu Unjoni fejn l-Italja u Malta ma jħossux li qed jitħallew weħidhom biex jamministraw dan. Sistema fejn in-nies ddisprati li jeħtieġu l-protezzjoni għandhom ċans reali. Fejn it-tfal jistgħu jikbru għal ġejjieni mingħajr biża’,” stqarrew l-MEPs Maltin.