Lokali

Jekk ma jingħatax għajnuna: Anzjan se jispiċċa barra t-triq sa nhar il-Ħadd

Salvatore għandu 81 sena u kważi għal kollox nieqes mid-dawl. Jgħix f’kundizzjonijiet mill-agħar f’post żgħir f’Tas-Sliema, bibien imkissrin. Umdita’ fil-ħitan.

Iżda anki l-ftit kenn li jagħtih dan il-post se jittieħidlu għaliex fi żmien erbat ijiem, Salvatore se jispiċċa barra t-triq hekk kif il-Qorti awtorizzat l-iżgumbrament mill-post minħabba li ma felaħx iħallas il-kera. Storja li sfortunatament qed issir dejjem iktar regolari f’pajjiżna.

Salvatore jrid iħallas il-kera, jixtri l-mediċini u jmantni lilu nnifsu b’pensjoni mir-Renju Unit, fejn għex għal diversi snin, ta’ madwar €360 fix-xahar. Il-kera li kien qed iħallas kienet ta’ €290 fix-xahar u għaldaqstant hu jkollu jgħix bi ftit iktar minn €60 fix-xahar.

Inevitabbli li jaqa’ lura mill-ħlas tal-kera u meta sid il-post fetaħ kawża biex jiżgombra l-inkwilin, il-Qorti laqgħet it-talba fejn f’sentenza f’Mejju li għadda, tat lill-anzjan 40 ġurnata ċans biex joħroġ mill-post.

Mistoqsi minn Net News, Salvatore qal li ħadd mill-awtoritajiet responsabbli mill-għajnuna soċjali ma jaf dwar is-sitwazzjoni tiegħu minkejja li kellu kuntatt ma’ social worker.

L-Anzjan jinsab fi stat iddisprat u meta konna qed nitkellmu qabel l-intervista, saħansitra stqarr li f’xi mumenti, ikun jixtieq “itemm kollox.”

Ix-xewqa ta’ Salvatore hi li jkun jista’ jgħix l-aħħar snin ta’ ħajtu b’dinjita’

Jekk ma jirnexxilux jikseb għajnuna sa nhar il-Ħadd li ġej, Salvatore, raġel anzjan li jgħix waħdu u jbati minn diżabilita’, se jispiċċa barra t-triq.