L-Arms qed thedded anjzjani u romol li għandhom kontijiet b’lura fil-ħlasijiet tas-servizzi tad-dawl u l-ilma li se taqtagħahom l-istess servizzi tad-dawl u l-ilma.
Anzjani li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru li filwaqt li kienu daħlu f’arranġament mal-Arms biex iħallsu l-kontijiet pendenti tagħhom u allura kull xahar kienu jħallsu pagament ta’ €100, issa f’daqqa kienu notifikati li jew iħallsu s-somma pendenti kollha f’daqqa, inkella jkollhom is-servizzi tagħhom maqtugħa minnufih.
Dan bir-riżultat li kemm-il darba jiġri hekk u l-istess persuni anzjani jkunu jridu jerġgħu jdaħħlu s-servizzi lura, allura jkollhom iħallsu mal-€140 oħra biex ikollhom is-servizzi tad-dawl u l-ilma komunikati mill-ġdid fir-residenza tagħhom.
Anzjani li tkellmu ma’ In-Nazzjon urew il-preokkupazzjoni tagħhom għal dan il-bullying min-naħa tal-Arms u appellaw lill-awtoritajiet konċernati biex ma jagħżlux lil dawk l-aktar vulnerabbli biex juru s-saħħa tagħhom.
Koppja anzjana qaltilna li ftit tax-xhur ilu minħabba problemi fl-arloġġ tad-dawl – liema problemi ma kinux tort tagħha – daħlet f’arranġament ma’ Arms biex il-kont pendenti jitħallas €100 fix-xahar.
Issa f’daqqa rċevew notifika biex il-bilanċ dovut lill-Arms jitħallas kollu f’daqqa f’temp ta’ ftit jiem biss, inkella s-servizzi jkunu maqtugħa ħesrem.
Anzjan ieħor ukoll għandu problema simili u meta mar biex iħallas għall-kont pendenti li għandu, kien infurmat li l-għada kien se jkollu s-servizz tiegħu maqtugħ kieku ma marx dakinhar biex iħallas il-kont kollu pendenti li kellu.
Sadattant xena li serqet l-attenzjoni ta’ bosta lbieraħ fl-Arms kienet dik ta’ anzjana li romlot ftit tax-xhur ilu li rċeviet kont ta’ aktar minn €850 li kienet infurmata li jew tħallsu b’mod immedjat inkella jkollha s-servizzi tagħha maqtugħ.
Din l-anzjana – li għandha pensjoni ta’ €400 fix-xahar – bdiet tibki u tistaqsi minn fejn trid iġġib dawn il-flus jekk ma għandhiex. Iżda t-tweġiba li baqgħet tieħu din l-anzjana kienet li jew tħallas il-kont b’mod immedjat jew inkella tispiċċa bla servizzi ta’ dawl u ilma.
//= $special ?>