Lokali Qorti

Mhux ħati li wettaq serqa f’Ħad-Dingli

Paul Abela ta’ 62 sena residenti r-Rabat instab mhux ħati li f’Marzu tal-2012 daħal f’dar f’Ħad-Dingli u seraq oġġetti tad-deheb u €2,000 fi flus.

Dakinhar tas-serqa l-pulizija kienu rċevew telefonata anonima tiddeskrivi xena fejn dehru tlett irġiel suspettużi, u li wieħed minnhom kien daħal ġo dar mhux tiegħu.

Pulizija marru fuq il–post iżda sabu l-bieb tar-residenza magħluq u ma deher xejn suspettuż. Ftit tal-ħin wara l-pulizija rċevew telfonata oħra mingħand mara li tgħix f’dar li tmiss ma’ dik li fiha deher dieħel ir-raġel u qalet li kienu daħlulha d-dar u serquha.

Xhud li kienet tat deskrizzjoni tal-irġiel u li kienet identifikat lil Abela bħala wieħed mill-irġiel involuti, iktar tard fil-qorti qalet li dakinhar li seħħ il-każ hi kienet wisq ‘il bogħod u ma setgħetx terġa tidentifikah.

Il-maġisrtat Josette Demicoli qalet li ma kienx hemm evidenza biżżejjed biex tinkrimina lill-akkużat u ħelsitu minn kull akkuża.