Lokali Saħħa

Pazjenti fi swali b’defibrillator bla batterija

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji
Aktar nuqqasijiet fl-Isptar Mater Dei

Numru ta’ swali fl-Isptar Mater Dei għandhom id-defibrillator tagħhom ma jaħdimx minħabba li l-batterija tiegħu ma għadhiex isservi.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li minkejja li min imexxi dawn is-swali kien, ġimgħat ilu, ġibed l-attenzjoni dwar dak li seta’ jiġri, dan kollu waqa’ fuq widnejn torox bir-riżultat li iva, issa numru ta’ swali fl-Isptar Mater Dei spiċċaw bla servizz ta’ defibrillator.

Il-makkinarju ta’ defibrillator hu essenzjali f’kull sala fl-Isptar Mater Dei biex f’każ ta’ emerġenza fejn pazjent jagħtih attakk tal-qalb, dan ikun jista’ jintuża fil-ħin u immedjatament biex ikun megħjun il-pazjent f’mument mill-aktar kritiku.

Huma komuni l-każijiet ta’ pazjenti fi swali fl-Isptar Mater Dei li jesperjenzaw attakk tal-qalb u grazzi għall-intervent permezz tad-defibrillator qalbhom terġa’ titħaddem mill-ġdid u ma jmutux. Dan hu intervent li jkun meħtieġ li jingħata fi ftit sekondi minn meta pazjent jagħtih l-attakk tal-qalb.
Dak li qed jiġri issa fid-dawl tal-fatt li numru ta’ swali ma għandhomx defibrillator jaħdem, hu li l-istaff – infermieri – joqogħdu jiġru minn sala għall-oħra biex f’każ ta’ bżonn jiddubbaw defibrillator minn xi sala fejn sa issa l-batterija għadha ma marritx.

Dawk li tkellmu ma’ In-Nazzjon urew id-diżappunt tagħhom għall-imġiba tat-Tmexxija tal-Isptar Mater Dei, u għall-fatt li aspetti tant importanti bħal dawn fil-kura tal-pazjenti, mhumiex jingħataw l-importanza li ħaqqhom.

Agħar minhekk hu l-fatt li t-tmexxija tal-Isptar Mater Dei kienet taf bil-bżonn ta’ batteriji ġodda għal dawn id-defibrillators biex kemm-il darba dawn jibdew imorru, allura jkunu mibdula fil-ħin u hekk l-istess makkinarju jibqa’ jaħdem (stand by) bla waqfien.

Issa min imexxi swali fejn dan il-makkinarju bħalissa hu indispost, hu ħosbien u inkwetat li kemm-il darba tinqala’ xi emerġenza, allura dak li ħadd ma jkun jixtieq li jseħħ – li xi pazjent jagħtih xi attakk tal-qalb – iseħħ bil-konsegwenzi kollha li wieħed jistenna f’dak il-mument mill-aktar kritiku għall-pazjent.