Stewart Said
Dejan Stankovic, eks plejer ta’ Red Star Belgrade, Lazio u Inter b’karriera mimlija suċċessi, kien f’pajjiżna fl-okkażjoni tal-40 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Inter Club Malta. Fiż-żjara qasira tiegħu ta’ jumejn, Stankovic sab il-ħin li jara s-sbuħija ta’ pajjiżna, jattenda għar-riċeviment organizzat mill-klabb lokali tal-Inter kif ukoll attenda għall-kamp ta’ taħriġ organizzat min-nurseries ta’ Marsaxlokk u Sliema Wanderers.
L-eks midfielder Serb iddeskriva lilu nnifsu bħala persuna normali, umli u b’ħafna passjoni għall-futbol anki sal-lum il-ġurnata. Għal dawn l-aħħar sena u nofs hu qed jaħdem mal-UEFA fl-iżvilupp tal-futbol fost it-tfal, xi ħaġa li ammetta bħala esperjenza sabiħ li jaħdem fost it-tfal.
Il-karattru tan-nies mill-pajjiżi Balkani hu partikolari, xi ħaġa li tidher ukoll f’Dejan Stankovic. Hu qal li l-futbol għalihom hu xi ħaġa safra u beda jilgħab minn età żgħira fejn mill-ewwel kienu jgħidulu li kellu l-kwalità.
Dejan Stankovic beda l-karriera tiegħu fis-Serbja ma’ Red Star Belgrade. Hu ngħaqad ma’ Lazio fejn dam magħhom sitt snin u rebaħ il-kampjonat, il-Coppa Italia u t-Tazza tat-Tazzi. Fl-2004 hu ngħaqad ma’ Inter, b’Stankovic jilgħab għaxar staġuni ma’ Inter, il-klabb li rtira miegħu. Ma’ Inter il-midfielder Serb rebaħ ħames darbiet il-kampjonat, erba’ darbiet il-Coppa Italia, erba’ darbiet is-Supercoppa Italian, it-Tazza tad-Dinja tal-klabbs u l-UEFA Champions League.
Bħala plejer, Stankovic kien plejer enerġetiku f’nofs il-grawnd iżda meta tkellem dwar il-futbol milgħub fil-preżent, qal li l-futbol illum hu aktar veloċi, determinat u metikoluż. B’referenza għat-Tazza tad-Dinja, qal li din l-edizzjoni jista’ jkun li hemm l-aktar kwalità fiha.
Hu wera l-kuntentizza għall-karriera li kellu fejn rebaħ ħafna. Madankollu hu jinsab kuntent ukoll li issa li rtira, qed isegwi l-futbol Ewropew u Mondjali, kif ukoll lit-tfal tiegħu li kif mistenni jilagħbu l-futbol.
L-ewwel esperjenza barra minn pajjiżu
Għal żagħżugħ ta’ 19-il sena li jitlaq minn pajjiżu biex jilgħab f’pajjiż ieħor ma kinitx faċli. Stankovic ammetta li kienet esperjenza diffiċli fil-bidu, iżda hu saħaq li hu kien jaħseb f’dak li jagħmel hu, jilgħab, jitħarreġ u jitjieb kuljum. “Ma kellix biża’, bħal ma qatt ma kelli fil-futbol. Rispett iva, rispett kbir imma qatt ma kelli biża’. Hu kompla jgħid li kellu għajnuna kbira minn Sinisa Mihajlovic.
Stankovic jitkellem b’nostalġija għas-snin 90 fejn il-kampjonat Taljan kien aktar kompetittiv. “Kien aktar sabiħ u aktar divertenti għall-partitarji. Kienu seba’, tmien skwadri diffiċli bil-kontra għal dawn l-aħħar snin. Bħalissa hemm ftit divertimenti għaliex hemm żewġ, tliet skwadri b’saħħithom. Jien irbaħt il-kampjonat ħames darbiet wara xulxin, rebħu l-Milan u seba’ darbiet konsekuttivi l-Juventus.
Jispikkaw l-istaġuni li lagħab ma’ Inter
Minkejja li lagħab ma’ tliet klabbs fil-karriera tiegħu, l-esperjenza ta’ għaxar staġuni ma’ Inter hi l-aktar waħda li tispikka. Forsi ftit jafu li qabel ma’ Stankovic ingħaqad man-Neroazzurri, kien hemm interess minn Milan u Juventus, bil-Bianconeri jkunu kważi għalqu t-trasferiment.
Stankovic jirrakkonta dan l-episodju u jgħid li kien id-destin li ddeċieda l-futur tiegħu b’diskussjoni ma’ xi persuni li qalulu li għandu jingħaqad ma’ Inter biex jikteb l-istorja. Hu żied jgħid li rċieva pariri biex ma jingħaqadx ma’ Juventus għaliex jispiċċa plejer minn ħafna.
“Qaluli biex immur mal-Inter biex nikteb l-istorja u nibqa’ mfakkar għal dejjem. Hekk ġara, ktibna l-istorja u ninsab kuntent ħafna bl-għażla li għamilt.”
Is-sitwazzjoni preżenti ta’ Inter tista’ titqabbel maż-żmien li Stankovic ngħaqad ma’ Inter? Stankovic jgħid li iva għaliex dak iż-żmien kien bidu ta’ xi ħaġa li kienet qed tinbena. “Kuntent ħafna li wara sitt snin irritornaw fiċ-Champions League. Importanti ħafna ekonomikament, għad-dehra tal-klabb u l-plejers ħaqqhom li jilagħbu fl-aqwa kompetizzjoni, fl-aqwa stadiums u kontra l-aqwa klabbs.”
Mistoqsi x’jonqoshom Inter biex jerġgħu jkunu b’saħħithom, Stankovic qal li għad jonqos numru ta’ plejers. Hu jemmen li Inter iridu jagħmlu suq tat-trasferimenti tajjeb, bilanċjat u mmirat bil-plejers li għandhom bżonn. Hu kellu kliem ta’ tifħir għall-kowċ ta’ Inter Luciano Spalletti, iżda saħaq li t-tim għandu bażi madankollu jridu jibnu aktar biex ikunu b’saħħithom fl-Ewropa.
Kif Stankovic jiddeskrivi lil Massimo Moratti, Roberto Mancini u Josè Mourinho?
“Qatt mhu se jkun hemm President bħal Massimo Moratti. Jien li ħdimt miegħu nista’ biss nirringrazzjah, jien u l-familja tiegħi, taċ-ċans li tani li nilbes u nonora l-flokll tal-Inter, u nirringrazzjah dejjem f’ħajti.”
Dwar Roberto Mancini hu semma kif kien kważi missieru għalih għaliex emmen fil-kwalità tiegħu. Hu lagħab ma’ Mancini bħala plejer ma’ Lazio u kien anki kowċ tiegħu fejn tgħallem ħafna. Hu awguralu wkoll għall-impenn li għandu bħala kowċ tat-tim nazzjonali Taljan.
Stankovic iddeskriva lil Josè Mourinho bħala l-aqwa kowċ li ħadem miegħu. “Irnexxielu joħroġ il-120% tiegħu, ikkontrolla grupp importanti f’mument importanti li kien kruċjali għall-karriera tagħna għaliex ħafna minnha kellhom fuq 30 sena. Għal ħafna minnha kien l-aħħar ċans u hu rnexxielu jżomm sod magħna biex għamilna miraklu u rbaħna t-‘triplete’, li fissret bħala aspett uniku għal klabb Taljan.”
Aktar minn 100 logħba mat-tim nazzjonali
Fatt kurjuż hu li Dejan Stankovic lagħab mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu taħt tliet ismijiet differenti. Hu għamel id-debutt mal-Yugoslavia fl-1998, lagħab ma’ Serbia u Montenegro u meta l-pajjiżi nfirdu, kien sar l-ewwel captain tas-Serbja wara li rtira Savo Milosevic.
Stankovic stqarr li dan il-fatt ma jagħmilx differenza għalih għax xorta hu pajjiżu, u deher viżibbilment kburi li kien l-ewwel captain tas-Serbja. Hu lagħab tliet edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja fejn iddeskriva l-edizzjoni tal-1998 li kellhom ftit fortuna, tal-2006 bħala diżastru totali u fl-2010 setgħu għamlu aħjar, fejn saħansitra kienu għelbu lit-tim nazzjonali tal-Ġermanja.
Hu saħaq li f’dawn il-kompetizzjonijiet hemm ħafna affarijiet li jippenalizzaw, l-aktar għaliex it-Tazza tad-Dinja hu tournament qasir u tim ma jkollux ċans jirkupra.
Bit-Tazza tad-Dinja fuq l-għatba, ma setax jonqos li nistaqsi lil Stankovic dwar it-tim nazzjonali tas-Serbja.
“Naħseb li f’din it-Tazza tad-Dinja s-Serbja trid tibbaża fuq il-kollettiv. Hemm plejers ta’ talent bħal Matic u Kolarov bħala leaders, hemm Sergei Milinkovic-Savic li sejjer tajjeb u kiber ħafna bħala plejer ma’ Lazio.”
Hu saħaq li m’hemm l-ebda plejer li hu stilla, iżda hu grupp li jista’ jmur tajjeb. Stankovic saħaq li jittama li jgħaddu mill-gruppi iżda qal li żgur mhux se tkun faċli, fejn indika li l-ewwel logħba hi importanti ħafna.