Internazzjonali

Trump igħid li t-theddida minn Pyongyang spiċċat

Mal-wasla tiegħu lura l-Istati Uniti mis-summit storiku ta’ Singapore, il-President Donald Trump qal li t-theddida nukleari mill-Korea ta’ Fuq kienet spiċċat. Dan wara l-laqgħa li kellu mal-mexxej Korean Kim Jong-un.
Fi tweet li bagħat ftit wara l-wasla tiegħu, Trump stqarr, “Everybody can now feel much safer.” Imma ħafna osservaturi huma xettiċi, partikolarment għaliex hemm ftit li xejn dwar kif se jkun ivverifikat li l-Korea ta’ Fuq qed telimina l-armi nukleari li għandha. F’konferenza tal-aħbarijiet wara s-summit, Trump ħabbar li kienu se jitneħħew is-sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq darba jitneħħew l-armi nukleari Koreani. Huwa ħabbar ukoll li l-manuvri militari li kienu jsiru bejn il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti ma kinux se jkomplu jsiru.
Din kienet xi ħaġa li ssorprendiet lil ħafna, fosthom lill-istess Korea t’Isfel li ma kinitx infurmata b’dan minn qabel.
Ir-reġim ta’ Pyongyang kien ilu ż-żmien irrabjat fuq dawn il-manuvri u din qed titqies bħala rebħa kbira għall-Korea ta’ Fuq.
Issa f’Seoul, il-kapitali tal-Korea t’Isfel, mar Mike Pompeo, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, biex jispejga lill-Gvern Korean x’kien deċiż fis-summit ta’ Singapore.