Internazzjonali

Arrestat fil-Ġermanja fuq suspett li ppjana ‘attakk bioloġiku’

Il-prosekuturi fil-Ġermanja kisbu mandat għall-arrest ta’ raġel Tuneżin fuq suspett li hu kien qed jippjana attakk ‘motivat mill-estremiżmu Iżlamiku’.

Hemm ukoll is-suspett li t-Tuneżin kien qed jimmanifattura ‘arma bioloġika’ bis-sustanza ricin għal allegat skop terroristiku.

L-aħħar rapporti qalu li r-raġel, Sief Allah H.,  kien inżamm, f’nofs il-ġimgħa, fil-belt ta’ Cologne, wara li l-pulizija kienu fittxew fl-appartament tiegħu.

Ingħad li s-suspettat kien xtara ammont ta’ ricin (sustanza ta’ potenzjal velenuż) u materjal ieħor minn fuq l-Internet, li, allegatament, kapaċi jintuża fil-produzzjoni ta’ arma.

Fl-istess ħin, il-prosekuturi qed jippruvaw jiddeterminaw ‘il-progress’ tal-pjan għall-attakk min-naħa tat-Tuneżin u jekk dan setax kien fi stadju avvanzat.

Il-prosekuturi, intant, irreferew għas-suspettat qawwi li r-raġel ipproduċa ‘bi ħsieb’ l-armi kimiċi. Dan fost is-suspett inizjali li t-Tuneżin kien qed jippjana azzjoni vjolenti kontra l-Istat.

Sadanittant, ma jidhirx li hemm il-provi konkreti li s-suspettat ta’ 29 sena għandu xi konnessjoni jew sħubija ma’ organizzazzjoni terroristika.