Knisja Kultura Lokali Mużika

Artal armat b’66 xemgħa għall-‘Corpus’

Ir-Rabtin jiċċelebraw b'devozzjoni l-Festi Prinċipali ta' 'Corpus'

Ilmaħna nies jitolbu quddiem Ġesù Sagramentat espost ġewwa ġilandra mill-isbaħ armata għall-Festi Prinċipali ta’ Corpus Christi, iċċelebrata f’din it-tmiem il-ġimgħa fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl fir-Rabat.

Is-sagristan flimkien mal-voluntiera jieħdu madwar 3 ġimgħat biex jarmaw il-Kolleġġjata, mit-tindif, għall-armar tad-damask tul il-Knisja, sal-armar tal-artali u l-maġġur.

Jikkumplimentaw il-ġilandra tal-fidda fuq il-maġġur, maħdum fl-Italja fil-bidu tas-seklu 20, insibu sett ta’ 22 gandilabru b’ 66 xemgħa b’kollox. Dawn inħadmu fil-bronż fl-istess epoka f’funderija fi Franza huma bbanjati fid-deheb.

Bejn il-gandilabri mbagħad hemm sett ta’ anġli aduraturi tal-istatwarju Karlu Darmanin. Il-ventartal tal-fidda tal-maġġur, b’xena tal-Aħħar Ċena, jintrama bejn 8 minn nies u nħadem fl-1933 fi Franza fuq disinn t’Abram Gatt. Ix-xena tal-maġġur tingħalaq bit-tużell, iddisinjat minn Catania, li jżomm bilanċ waħdu mingħajr ventijiet.

Tkellem magħna Peter Bonello, li rtira 3 snin ilu minn Sagristan wara 45 sena servizz, dwar l-importanza tal-Festa Prinċipali ta’ Corpus għar-Rabtin:

“Kollox ee għax aħna twilidna f’Corpus. Għalkemm San Pawl it-Titular, għalina l-antiki bilkemm mhux isbaħ minn San Pawl. Tant Corpus hija Festa Prinċipali u qiegħda għall-qalb ħafna r-Rabtin li l-armar kollu tal-Festa ta’ Corpus u San Pawl huma propjetà tal-Fratellanza tas-Santissimu Sagrament.”

Intant, il-Banda Konti Ruġġieru tal-Każin San Pawl se tfakkar il-memorja tal-Profs. Joseph Vella fil-Programm Mużikali Annwali tal-Festa ta’ Corpus il-Ġimgħa filgħaxija fuq iz-zuntier tal-Kolleġġjata, kif spjega aħjar il-President, Christian Galea:

“Il-Professur Joseph Vella hawnhekk kien Surmast tal-banda għall-40 sena. Iġifieri ħalla ħafna siltiet mużikali lil din il-banda tagħna, biċċiet mill-isbaħ, bejn marċi funebri, marċi brijużi u siltiet oħrajn iktar operistiċi li daqqejna f’numru ta’ programmi mużikali.”

Apparti l-In Ommaggio alla Banda Conti Ruggiero li Vella kiteb fl-okkażjoni tal-25 Sena tiegħu bħala Surmast, il-Banda Pawlina se ddoqq bċejjeċ muzikali diversi minn idejn l-eks-Surmast Vincenzo Ciappara, Tchiakocsky, Rossini u s-Surmast Direttur attwali, James Chappell.

Din il-banda hija fost l-uniċi baned fil-pajjiż li tipparteċipa bi sħiħ fil-festi ta’ Corpus tal-Kolleġġjata Pawlina:

“Is-Sibt filgħaxija ikollna l-marċ brijuż li matulu nakkumpanjaw l-istatwa ta’ Kristu tal-Ħobża, kif nafuha aħna, li mbagħad tittella’ fl-ark, qisha niċċa unika armata apposta fil-Pjazza parti mill-armar sabiħ tal-Festa ta’ Corpus Domini. Imbagħad, il-Ħadd filgħodu nakkumpanjaw il-purċissjoni ta’ Corpus bit-tfal tal-Preċett u filgħaxija terġa’ toħroġ il-Purċissjoni ta’ Corpus li tgħaddi minn fuq l-infiorata, it-tapit tal-fjuri hawnhekk quddiem il-Knisja, akkumpanjata mill-Banda San Lawrenz tal-Birgu. ”

Din is-sena, il-banda Rabtija tagħlaq 149 sena u għalhekk qed tħejji biex tfakkar il-150 Anniversarju mit-twaqqif tagħha.