Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

“Il-Brażil qed iħossu l-pressjoni” – Paulinho

Paulihno

F’kummenti li ta l-midfielder Brażiljan Paulinho qal li t-tim hu taħt pressjoni biex jirbaħ it-Tazza tad-Dinja għas-sitt darba fl-istorja imma din hi ħaġa normali meta wieħed iqis il-kalibru tat-tim.

Erba’ snin ilu l-Brażil ġew umiljati f’darhom stess meta sfaw eliminati b’telfa ta’ 7-1 fis-semifinali kontra l-Ġermanja imma minn dakinhar ‘l hawn għaddew taħt it-tmexxija tal-kowċ Tite li bħal donnu ta ħajja ġdida lit-tim li sabha faċli biex jgħaddi għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja.

Il-Brażil jibdew l-impenji tagħhom fit-turnament nhar il-Ħadd kontra l-Iżvizzera u huma wieħed mill-akbar favoriti biex jirbħu l-edizzjoni ta’ din is-sena.

“Hi normali li kull erba’ snin ikun hawn din il-pressjoni fuqna. L-avversarji tagħna jafuna sew imma l-aktar ħaġa importanti hi li aħna nibqgħu nilagħbu kif lagħbna matul dawn l-aħħar sentejn. Il-pressjoni din is-sena hi xi ftit akbar speċjalment wara dak li seħħ erba’ snin ilu imma għamilna minn kollox biex dik id-disfatta tintesa,” kompla Paulinho.

Fattur importanti għall-Brażil hu r-ritorn ta’ Neymar li irkupra minn injury serja. Il-plejer ta’ PSG diġa’ qed juri logħob impressjonanti u sab ix-xibka kontra l-Kroazja ftit tal-jiem ilu.

Il-midfielder Fred, akkwist, ġdid ta’ Man Utd ma ħax sehem fis-sessjoni ta’ taħriġ minħabba injury żgħira.

Paulinho tkellem ukoll dwar tim ieħor li qed jitqies bħala favorti, dak ta’ Spanja. Fl-opinjoni tiegħu l-midfielder ta’ Barcelona jemmen li dawn xorta waħda jibqgħu favoriti anke jekk keċċew lill-kowċ jum qabel ma bdiet il-kompetizzjoni.

Lopetegui, kowċ ta’ Spanja tkeċċa mill-kariga minħabba li ffirma kuntratt ma’ Real Madrid ftit ġimgħat wara li hu kien ġedded il-kuntratt mal-FA Spanjola. L-eksplejer ta’ Real Madrid li kien Direttur fi ħdan l-FA Spanjola, Fernando Hierro se jmexxi lit-tim fir-Russja.