Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: L-ebda tneħħija ta’ sanzjonijiet mingħajr denuklearizzazzjoni

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, insista li l-Korea ta’ Fuq mgħandhiex tistenna li jitneħħewlha s-sanzjonijiet ekonomiċi qabel turi biċ-ċar li konkludiet ‘il-proċess sħiħ tad-denuklearizzazzjoni’.

Pompeo qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Korea t’Isfel, fejn ħadu sehem ukoll ir-rappreżentanti tal-Gvern ta’ Seoul u l-Ġappun. Intant, l-Istati Uniti qed taħseb biex tiċċara l-pożizzjoni wara s-summit storiku, f’Singapore, bejn il-President Amerikan, Donald Trump, u l-Mexxej tal-Korea komunista, Kim Jong-un, li ffirmaw stqarrija b’impenn għal ‘relazzjoni ġdida’.

Kim Jong-un enfasizza mill-ġdid il-wiegħdiet preċedenti ‘biex jaħdem lejn it-tneħħija tan-nukleari mill-peniżola Koreana’. Iżda hemm element qawwi ta’ xettiċiżmu dwar dan, b’osservaturi ‘qed jistennew dettalji’ dwar kif il-Korea ta’ Fuq se ċċedi l-armi nukleari.

Mike Pompeo vvjaġġa minn Singapore għall-Korea t’Isfel biex jaġġorna lill-alleati reġjonali tal-Istati Uniti dwar is-summit. L-alleati anki trattaw l-aħbar sorpriża ta’ Trump dwar it-tmiem tal-eżerċizzji militari konġunti li kienu jsiru bħala rutina bejn il-qawwiet Amerikani u l-Korea t’Isfel.

Pompeo qal li s-summit ta’ Singapore immarka ‘bidla importanti’ fir-relazzjoni ma’ Pyongyang, iżda ċaħad rapport mill-Korea ta’ Fuq li indika li ‘l-Istati Uniti għandha tagħti konċessjonijiet lil Pyongyang għal progress gradwali lejn id-denuklearizzazzjoni’.

Hu insista li pajjiżu għadu impenjat ‘għad-denuklearizzazzjoni sħiħa u irriversibbli tal-Korea ta’ Fuq u b’mod li din tkun ikkonfermati mis-sorsi indipendenti.’ Hu minnu wkoll li l-kliem ta’ Pompeo ma kenux speċifikati fl-istqarrija konġunta ffirmata minn Trump u Kim Jong-un, f’Singapore, u li rreferiet biss għal ‘denuklearizzazzjoni sħiħa’.