Lokali

Ili tliet snin ngħix ħajja miżerabbli f’dar bla dawl

Raġel jirrakkonta esperjenza ta’ disperament wara li l-Arms qatgħetlu s-servizz tad-dawl mir-residenza fejn jgħix

“Ili tliet snin sħaħ ngħix f’dar bla dawl. Sa minn Awwissu tal-2015 meta l-Arms qatgħetli d-dawl filwaqt li għandha kwistjoni l-Qorti li hi pendenti quddiem il-Maġistrat Monica Vella. Dan ifisser li fl-aħħar tliet snin – xitwa jew sajf, kesħa jew sħana – dejjem kelli nkun kostrett ngħix f’dar bla servizzi tad-dawl”.

“Dan ifisser li jien qed ngħix f’dar fejn il-kumditajiet bażiċi biex nista’ ngħix b’mod deċenti qiegħed inkun imċaħħad minnhom – la nista’ nħaddem fridge, la nista’ niekol ikel frisk, la nista’ nixrob ħalib frisk, la nista’ nħaddem fann jew heater; sempliċiment qed ngħix ħajja miżerabbli għaliex l-Arms qatgħetli l-kurrent tal-elettriku kollu u anqas biss ħallietli l-inqas vultaġġ possibbli.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ In-Nazzjon raġel li għadu kemm għamel operazzjoni tal-qalb u għalhekk is-servizz tad-dawl għalih hu ferm aktar importanti.

Madankollu l-awtoritajiet konċernati – f’dan il-każ l-Arms – qed jibqgħu jirromblaw minn fuq il-bżonnijiet ta’ dan ir-raġel li minn meta nqatagħlu s-servizz tad-dawl mill-Arms, il-ħajja tiegħu nqalbet ta’ taħt fuq.

Meta tkellem ma’ In-Nazzjon dan ir-raġel, li hu ċittadin Malti, stqarr li minkejja li tħabat fuq li tħabat biex jingħata lura s-servizz tad-dawl, l-isforzi tiegħu waqgħu kompetament fuq widnejn torox.
Mhux hekk biss, iżda l-każ tiegħu għadu l-Qorti għal sentejn sħaħ u barra dan it-taqtigħ tal-qalb, qiegħed ikun kostrett jonfoq ħafna flus fi ħlasijiet lill-avukati.

Hu qal li dwar din il-problema serja tkellem ukoll mat-tobba tiegħu li kkundannaw dan l-aġir li qed jeffettwa ħażin il-ħajja tal-istess persuna li minħabba f’hekk għadda wkoll minn problemi serji ta’ dipressjoni.

Hu temm jappella lill-awtoritajiet konċernati biex tinstab soluzzjoni għal din il-problema ħalli llum qabel għada hu jingħata mill-ġdid is-servizz tad-dawl biex hekk ikun jista’ jibda mill-ġdid jgħix ħajja normali.