Hekk kif illum qed jiġi mfakkar il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, fi Smart City saret Blood Drive bil-għan li jinġabar demm minn donaturi li jaħdmu fil-madwar u minn residenti tal-viċin.
Il-Kumpanija FTIAS ħadet l-inizjattiva li tħeġġeġ il-ħaddiema tagħha biex ikunu donaturi, u stiednu l-Mobile Blood Bank biex itellgħu sessjoni ta’ ġabra tad-demm. Diversi ħaddiema tal-kumpanija u membri oħra tal-pubbliku ħadu l-opportunita’ biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom.
Il-Mobile Blood Bank ikun f’postijiet differenti tista’ tgħid kuljum, fejn matul il-ġimgħa jilqa’ inizzjattivi ta’ ġbir tad-demm minn kumpaniji privati, fabbriki, lukandi, banek u oħrajn, u fil-Ħdud u l-festi ħafna drabi jkun fi pjazez ta’ rħula differenti bi ftehim ma’ parroċċi u kunsilli lokali. Nhar il-Ħadd li ġej il-bank se jkun qiegħed wara l-Knisja ta’ Ħ’Attard bejn it-8.30am u 12.00pm.
Il-Bank tad-demm għandu bżonn bejn 50 u 60 borża demm kuljum biex ikun jista’ jlaħħaq mal-bżonnijiet tal-pazjenti.
Kull min hu f’saħtu u għandu bejn it-18 u s-63 sena jista’ jagħti d-demm għall-ewwel darba. Il-Bank tad-Demm jiftaħ mit-Tnejn sal-Ħadd bejn it-8.00am u s-6.00pm. Min jixtieq iktar informazzjoni jista’ jikkuntattja l-Bank tad-Demm fuq 2206 6201 jew fuq 7930 7307 waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju.
//= $special ?>