In-nuqqas ta’ rieda biex tiġi miġġielda l-problema tal-ħasil tal-flus timmina l-isforz Ewropew għall-protezzjoni tas-sistemi finanzjarji.
Dan qalitu Vera Jourova, Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, waqt konferenza stampa f’Dar l-Ewropa fi tmiem l-ewwel ġurnata tagħha minn żjara ta’ jumejn f’pajjiżna fejn iltaqgħet mal-Prim Imħallef, mal-Ministru Helena Dalli, l-FIAU u l-Avukat Ġenerali.
Hija elenkat in-nuqqasijiet kif huwa miġġieled il-ħasil tal-flus u għalhekk il-Ġimgħa se tiltaqa’ mal-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, u l-MFSA biex tistaqsi għala Malta ma rratifikatx kompletament id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus. B’rabta ma’ dak li ġara fil-Pilatus Bank, il-Kummissjoni tallbet l-Awtorità Bankarja Ewropea biex tivestiga l-għoti tal-liċenzja mill-MFSA u toffri soluzzjonijiet.
Malta hija fost 7 pajjiżi Ewropej b’dawn in-nuqqasijiet u jinħtiġielha tagħmel ħafna aktar biex turi progress. Evidenti hija n-nuqqas ta’ kapaċità u rieda li l-FIAU tinvestiga. Jekk dan ma jseħħx, tiġi affettwata l-Ewropa kollha.
B’rabta mal-iskema tal-bejgħ tal-passaport Malti li ngħata lil 700 individwu s’issa, dan jaffettwa lill-Unjoni direttament minħabba d-dritt tal-moviment ħieles u għalhekk se tkun tara li tiġi nfurzata l-klawsola tar-residenza, li huwa li evidenti li mhux il-każ, u li jkun hemm rabta ġenwina mal-pajjiż.
Dwar in-nuqqasijiet fl-FIAU, bħalissa għaddejjin proċeduri legali kontra Malta dwar ksur ta’ regolamenti. Jourova se tkun qed tara jekk hemmx konnessjoni bejn il-każijiet investigati minn Caruana Galizia.
Dan kollu jhedded is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u s-saltna tad-dritt, liema theddia Jourova hija mpenjata li dan ma jseħħx.
Jourova qiegħda tanalizza wkoll fiex waslu l-investigazzjonijiet b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia, u tivverifikax humiex minnhom l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti. Hija ġiet Malta biex toffri l-għajnuna ta’ istituzzjonijiet Ewropej bħall-EUROPOL biex tgħin fl-investigazzjonijiet.
Il-Kummissarju Ewropew qalet li huwa fl-interess tal-Kummissjoni li toħroġ il-verità kollu u jinqabad il-mandant tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Il-libertà tal-istampa tinsab mhedda madwar l-Ewropa għaliex il-problema f’Malta hija problema għall-Unjoni.