Il-bastiment Aquarius, waqt li kien qiegħed fi triqtu lejn il-port ta’ Valencia fi Spanja, kellu jbiddel ir-rotta minħabba maltemp fuq il-baħar.
Dan hu żvilupp ieħor fi kwistjoni li ilha għaddejja għall-aħħar jiem, b’iktar minn 629 immigrant maqbuda fuqu u kwistjoni internazzjonali bejn numru ta’ pajjiżi.
L-NGO SOS Mediterranee fuq Twitter qalet li l-persuni abbord il-vapur kellhom jittieħdu lejn il-kosta tal-Lvant ta’ Sardinja għar-refuġju u l-kenn mill-maltemp, hekk kif in-nies abbord jinsabu għajjejin, emozzjonati, u wħud ma jifilħux minħabba l-baħar.
F’dawn l-aħħar jiem, il-vapur Aquarius kien qiegħed maqbud f’morsa ta’ kontroversja bejn il-Gvernijiet Ewropej tal-Mediterran li ma riedux jilqgħu lill-immigranti fil-portijiet tagħhom.
Dan sakemm kien il-Gvern Spanjol li aċċetta li jilqagħhom, u għalhekk il-vapur Aquarius beda jiġi skortat minn żewġ bastimenti Taljani lejn Valencia.
Media internazzjonali fl-aħħar sigħat żvelat kif saret telefonata twila u kordjali bejn il-Prim Ministru l-ġdid tal-Italja Giuseppe Conte u l-President Franċiż Emmanuel Macron matul il-lejl, u se jiltaqgħu nhar il-Ġimgħa biex jitkellmu aktar dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran. Dan wara argumenti bejn iż-żewġ pajjiżi.
Dan il-każ li jinvolvi wkoll tfal u familji maqbuda fix-xemx, bejn sema u ilma fil-Mediterran, ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Papa Franġisku.
Il-Papa qal li dan l-episodju mhuwiex biss kwitsjoni ta’ numri, iżda hu ta’ persuni li għandhom l-istejjer tagħhom, il-kultura tagħhom, l-emozzjonijiet tagħhom, u anke l-aspirazzjonijiet.
Il-Papa qal li n-nuqqas ta’ fiduċja u kompassjoni lejn dawn in-nies debboli ġejja mill-biża. “L-għajta tal-fqir qatt ma tinstema’ iżda jintilef minn ilħna stunati, li ħafna mid-drabi jkun determinat minn biża lejn il-fqar.
//= $special ?>