Internazzjonali

L-Indja: Problemi kbar mit-tniġġiż tal-ajru

Ir-residenti fil-kapitali Indjana, Delhi, qegħdin ibatu l-effetti ta’ tniġġiż tal-ajru u temperaturi estremi, fost daħna kbira ta’ trab li ddominat l-inħawi. Id-daħna ma titqiesx bħala waħda ‘normali’ bir-residenti qed ibatu biex jieħdu n-nifs, u b’ħafna jsostnu li zoni kbar tal-kapitali saru ‘inabitabbli’.

Fl-aħħar sigħat ħarġu avviżi lin-nies biex ma joħorġux minn djarhom għaż-żmien kollu possibbli. Dan waqt li l-Gvern tal-Istat ipprojbixxa proġetti tal-bini f’Delhi, bl-iskwadri għall-emerġenzi qegħdin iferrxu l-ilma, kontinwament, mal-agħar inħawi affettwati.

Ingħad li d-dħaħen tat-trab f’ Delhi kienu qed jinkludu dejjem aktar elementi velenużi, bil-livelli tat-tniġġiż tal-ajru jitilqgħu għal ‘tmienja jew disa’ darbiet ogħla min-normal’.

L-esperti dwar is-saħħa u l-ambjent wissew li r-residenti f’Delhi qed jibilgħu is-sostanzi tossiċi man-nifs u li kapaċi jħallu ‘konsegwenzi serji (għal saħħithom) fit-tul taż-żmien’.