Malti u żewġ Libjani li din il-ġimgħa nqabdu b’kilo u nofs kokaina ingħataw il-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet.
Huma tressqu llum quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit akkużati bi traffikar ta’ droga.
Il-każ seħħ nhar it-Tlieta, bejn Ħal Safi u Ħal Kirkop.
Fit-talba tagħha għall-ħelsien mill-arrest id-difiża argumentat li fil-preżent qed jinqabdu ammonti ikbar ta’ droga minn dak li nqabdu bih it-tliet akkużati.
Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża u ħelset mill-arrest lil Tristen Kyle Pisani ta’ 25 sena fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Huwa jrid jiffirma l-għassa kuljum u ma joħroġx barra bejn il-11.00 ta’ billejl u s-7.00 ta’ filgħodu.
Iż-żewġ Libjani – Annajar Osama Solejman ta’ 40 sena u Boulqassim Khalleefah Almigheerbi ta’ 32 sena, ukoll inħelsu b’kundizzjonjiet simili, bid-differenza li Almigheerbi nħeles fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija ta’ €25,000.
L-avukati Robert Montalto, Edward Gatt u Franco Debono dehru għat-tliet akkużati.
//= $special ?>