Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

TAZZA TAD-DINJA: Iċ-ċerimonja tal-ftuħ illum fl-4:30pm

Il-partiti se jintlagħbu fi 11-il belt differenti

Kollox jinsab lest biex illum fir-Russja jingħata bidu għat-Tazza tad-Dinja. Din se tkun il-21 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja u tintemm bil-finali tal-15 ta’ Lulju. L-ewwel logħba tal-kompetizzjoni ta’ din is-sena se tkun dik bejn l-organizzaturi, ir-Russja u l-Arabja Sawdija u din tibda fil-5pm ħin ta’ Malta.

Eżatt qabel l-ewwel logħba, tliet stilel internazzjonali huma mistennija li joħolqu spettaklu fil-Luzhniki Stadium ta’ Moska. Il-kantant popolari Robbie Williams se jingħaqad mas-Sopran Russa Aida Garifullina, filwaqt li l-eks plejer Brażiljan Ronaldo se jkun preżenti wkoll.

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ, li tibda nofs siegħa biss qabel ma’ tibda l-ewwel logħba, se tiffoka fuq il-mużika u se tibda nofs siegħa biss qabel ma’ tibda l-ewwel logħba. Felix Mikhailov hu d-direttur artistiku taċ-ċerimonja tal-ftuħ.

Din se tkun l-ewwel Tazza tad-Dinja sa mill-2006 li se tkun qed issir fl-Ewropa wara li fl-2010 saret fl-Afrika t’Isfel u erba’ snin wara saret fil-Brażil.

Ir-Russja kienet ingħatat id-dritt li torganizza din l-edizzjoni fl-2010. Flimkien mar-Russja kien hemm tliet kandidaturi oħra biex jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja. Dawn kienu l-Ingilterra, l-Olanda u l-Belġju (flimkien) u Portugall u Spanja (flimkien). Snin wara kien hemm allegazzjonijiet ta’ tixħim fl-għażla u fil-fatt il-FIFA qabet lill-investigatur Michael J. Garcia janalizza dawn l-allegazzjonijiet ta’ tixħim u wara sentejn ġie ppubblikat rapport fejn qal li l-għażla ta’ fejn se ssir it-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022 kienet waħda mhux korrotta.

Il-mira prinċipali ta’ dawn l-allegazzjonijiet kien Sepp Blatter, li dakinhar kien President tal-FIFA. Eventwalment, jien wara li reġa’ ġie elett President tal-FIFA, Blatter irriżenja hekk kif kien jinsab taħt pressjoni kbira minħabba li kien involut ukoll f’każ ta’ korruzzjoni wara li kien żvelat li għadda pagamenti irregolari lil Michel Platini li kien President tal-UEFA.

Hu għalhekk, li t-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena se tkun l-ewwel waħda sa mill-1994 mingħajr Blatter bħala President tal-FIFA. Minfloku hemm Gianni Infantino li ġie elett President fi Frar li għadda.
F’dan it-turnament se jkunu qed jieħdu sehem 32 tim maqsuma fi tmien gruppi b’erba’ timijiet kull wieħed. Din l-edizzjoni tista’ tkun dik ta’ qabel tal-aħħar li se tkun bi 32 tim hekk kif il-FIFA qed tippjana li mill-edizzjoni tal-2026 jibdew jieħdu sehem 48 tim.

Fir-Russja se jkunu qed jagħmlu d-debutt tagħhom fit-Tazza tad-Dinja l-Iżlanda u l-Panama. Bla dubju jispikka n-nuqqas tal-Olanda u tal-Italja li ma għaddewx għall-fażi finali. Fil-fatt, wieħed jista’ jgħid li f’pajjiżna, n-nuqqas tal-parteċiġazzjoni tal-Italja fit-Tazza tad-Dinja bla dubju se jinħass. Din hi l-ewwel darba f’dawn l-aħħar 60 sena li t-Taljani mhux se jkunu qed jieħdu sehem.

Il-Ġermanja, champions se jippruvaw jiddefendu t-titlu biex b’hekk jirbħu t-tazza għall-ħames darba fl-istorja tagħhom. Barra minn hekk, jekk jagħmlu dan, isiru l-ewwel tim sa mill-1962 li jkun rebaħ it-tazza darbtejn infila. Minn naħa tagħhom, l-Arġentina, finalisti telliefa ta’ erba’ snin ilu jippruvaw li din id-darba jerġgħu jagħmluha sal-finali imma eventwalment jirbħu l-kompetizzjoni.

Ħafna jemmnu li din se tkun l-aħħar opportunità għall-istilla tal-Arġentina, Lionel Messi, biex jirbaħ dan l-unur. Filwaqt li Messi hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers li qatt kien hawn fl-istorja xi kritiċi jsostnu li hu ma jistax jitqies fuq il-livell tal-eksleġġendarju, l-Arġentin Diego Maradona qabel ma jgħin lil pajjiżu jirbaħ it-Tazza tad-Dinja, kif kien għamel Maradona fl-1986.

Il-Portugall, li sentejn ilu ħasdu lil kulħadd u ġew inkurunati champions tal-Ewropa se jippruvaw jerġgħu jissorprendu hekk kif għal darba oħra se jibdew bħala tim mhux fost il-favoriti għar-rebħ tal-unur.

Il-Brażil, l-aktar tim li rebaħ din it-tazza, jittamaw li jinsew id-disfatta ta’ erba’ snin ilu wara li kienu sfaw eliminati f’pajjiżhom stess b’telfa umiljanti ta’ 7-1 kontra l-Ġermanja fis-semifinali. L-aħħar darba li l-Brażil rebħu din it-tazza kien lura fl-2002.

Barra minn dawn l-erba’ timijiet hemm oħra li huma meqjus bħala l-favoriti fosthom Franza u Spanja. Sentejn ilu l-Franċiżi waslu sal-finali tal-Kampjonat Ewropew filwaqt li l-futbol Spanjol iddomina l-kompetizzjonijiet tal-UEFA tal-istaġun li għadda hekk kif Real Madrid rebħu ċ-Champions League u Atletico Madrid rebħu l-Europa League.

Il-partiti tat-turnament se jintlagħbu fi 12-il grawnd fi 11-il belt. Il-finali se ssir fil-Luzhniki Stadium f’Moska fil-15 ta’ Lulju.