Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

TAZZA TAD-DINJA: L-organizzaturi jibdew b’rebħa kontra s-Sawdi

Ir-Russu Cheryshev sar l-ewwel plejer fl-istorja li qatt skurja f’partita inawgurali tat-Tazza tad-Dinja.

RUSSJA………………………….5
SAWDJA ARABJA…………..0

Fl-ewwel logħba mit-Tazza tad-Dinja, l-organizzaturi żammew mat-tradizzjoni u bdew b’rebħa ta’ 5-0 kontra l-Arabja Sawdija. B’hekk, il-pajjiż li organizza t-Tazza tad-Dinja qatt ma tilef l-ewwel logħba tiegħu fil-kompetizzjoni. Madankollu l-Afrika t’Isfel huma l-uniku tim fl-istorja li organizzaw it-Tazza tad-Dinja u sfaw eliminati mill-fażi tal-gruppi.

Wieħed jista’ jgħid li issa ladarba r-Russja rebħu dan il-konfront jibdew jemmnu xi ftit li jikkwalifkaw għall-fażi li jmiss anke jekk hu ferm diffiċli għax iż-żewġ timijiet l-oħra huma l-Eġittu u l-Urugwaj, timijiet li fuq il-karta huma aktar superjuri minnhom.

Din kienet l-ewwel rebħa li kisbu r-Russja f’dawn l-aħħar tmien partiti filwaqt li għas-Sawdi r-riżultati negattivi komplew ġejjin. Fil-fatt, mill-aħħar 10 logħbiet li lagħbu dawn rebħu biss tlieta.
L-uniku aħbar ħażina għar-Russi hi l-injury li sofra fl-ewwel taqsima l-midfielder Alan Dzagoev.

Il-plejer ta’ CSKA Moscow weġġa’ l-hamstring u ma tkunx sorpriża jekk dan jitlef il-kumplament tat-turnament. Dzagoev weġġa’ fit-13-il-minuta u kellu jkun mibdul u n-nuqqas tiegħu żgur se jinħass speċjalment meta wieħed iqis li dan kien l-aqwa skorer tal-Euro 2012.

L-Arabja Sawdija fetħu fuq l-attakk imma kienu r-Russi li marru fil-vantaġġ kontra x-xejra tal-logħob. Fit-12-il minuta Golovin tefa’ cross perfett lejn GAZINSKIY li sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras tajba. Ir-Russi komplew jagħfsu u żewġ minuti wara Dzagoev qassam lejn Fernandes u dan tal-aħħar qassam lejn in-nofs biex sab lil Smolov li ra x-xutt tiegħu jkun salvat mill-gowlkiper Al-Mayoof.

Il-logħba naqqset mir-ritmu u r-Russi qatt ma dehru f’periklu li jitlfu l-vantaġġ, anke jekk tilfu lill-midfielder Dzagoev li weġġa’ u kellu jkun mibdul. Żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima CHERYSHEV irdoppja l-iskor hekk kif evita żewġ difensuri b’finta mill-isbaħ u fajjar xutt li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper avversarju għat-2-0.

Ta’ min jinnota li b’dan il-gowl Cheryshev sar l-ewwel plejer fl-istorja li qatt skurja f’partita inawgurali tat-Tazza tad-Dinja.

Fit-tieni taqsima s-Sawdja Arabja żiedu fil-pussess tal-ballun imma ma għarfux japprofittaw minn dan u kien fil-fatt Artem DZYUBA li 20 minuta mit-tmiem għamel l-iskor 3-0 b’daqqa ta’ ras.

Golovin reġa’ kien il-plejer li pprovda lill-awtur tal-gowl bil-ballun. Fil-ħin miżjud ir-Russi skurjaw tnejn oħra.

L-ewwel għamlu l-iskor 4-0 bi ġmiel ta’ gowl ta’ CHERYSHEV li għaqqad doppjetta personali u minuta assistejna għal gowl sabiħ ieħor meta GOLOVIN skurja minn free kick dirett.

Din kienet it-tieni darba li r-Russja lagħbu kontra l-Arabja Sawdija u għal darba oħra reġgħu ħarġu rebbieħa bħal ma kienu għamlu meta f’logħba ta’ ħbiberija fl-1993 kienu rebħu 4-2.
Issa r-Russi jmisshom jilagħbu nhar it-Tlieta kontra l-Eġittu filwaqt li jum wara l-Arabja Sawdija jilagħbu kontra l-Urugwaj.