Internazzjonali

Tħarrek lit-Trump Foundation għal ‘aġir illegali’

L-Avukat Ġenerali ta’ New York ħabbret li qed tħarrek lit-Trump Foundation, kif ukoll lill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u uliedu, fost allegazzjonijiet dwar ‘ksur tal-liġi estensiv u persistenti’.

Barbara Underwood sostniet li t-Trump Foundation, li twaqqaf għal skopijiet karitatevoli, kellu sehem ‘f’koordinazzjoni politika illegali’ bil-għan li tinfluwenza l-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza Amerikana ( li kienet intrebħet minn Donald Trump).

Issa, ir-rikors tal-qorti qed jaħseb biex ixolji din il-fondazzjoni, b’Underwood qed takkuża wkoll lill-ulied ta’ Trump — Ivanka, Eric u Donald Jr.

Fl-istqarrija, Barbara Underwood qalet li Donald Trump aġixxa illegalment meta kien għadda struzzjonijiet lil dik il-fondazzjoni biex tipprovdilu l-appoġġ għall-kampanja presidenzjali. Skont hi, dan kien sar bl-użu ta’ isem il-fondazzjoni kif ukoll mill-fondi ġġenerati mit-Trump Foundation.

Ir-rikors fil-qorti qed jaħseb biex jipprojbixxi lill-President Trump milli jservi bħala direttur ta’ kwalunkwe entità ‘non-profit’ għal għaxar snin. Fl-istess ħin, qed jintalab biex ulied Trump, li qed iservu fuq il-bord tal-fondazzjoni, jingħataw projbizzjonijiet rispettivi għal sena.