L-attakkant Ingliż Jamie Vardy qal li l-ispirtu fi ħdan it-tim hu bħal dak li kellhom il-plejers ta’ Leicester meta żewġ staġuni ilu ħasdu lil kulħadd u rebħu l-kampjonat Ingliż.
L-ewwel impenn tal-Ingilterra fit-Tazza tad-Dinja hu nhar it-Tnejn kontra t-Tuneżija.
Fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni l-Ingilterra sabuha faċli biex ikkwalifikaw u ilhom ma jitilfu 10 partiti. L-aħħar telfa li sofrew kien lura f’Ġunju li għadda kontra Franza. Din is-serje pożittiva imliet lill-partitarji b’kuraġġ wara li sentejn ilu dawn kienu raw lit-tim tagħhom jiġu eliminati mill-Kampjonat Ewropew b’telfa kontra l-Iżlanda.
“Niftakar li l-ispirtu li kien hemm fid-dressing room ta’ Leicester u hi waħda simili għal dik li hemm fit-tim Ingliż bħalissa. Ninsabu fiduċjużi u kulħadd hu lest jaħdem għal kulħadd biex naslu sa dak li nixtiequ. Nemmnu li nistgħu nirbħu t-tazza. Dan it-tim għandu plejers li rebħu fuq livell ta’ klabb u b’hekk għandhom esperjenza kbira meta jasal il-mument tal-verità,” qal Vardy.
Intant, l-attakkant Ingliż Marcus Rashford ma ħax sehem fis-sessjoni ta’ taħriġ minħabba uġigħ f’irkopptu. Madankollu din jidher li m’hijix injury serja u mistenni jkun disponibbli għal kontra t-Tuneżija.
Fl-aħħar logħba li lagħbu l-Ingliżi, dik kontra l-Costa Rica, Rashford kellu wirja mill-aqwa u skurja ġmiel ta’ gowl.
//= $special ?>