Ambjent Lokali

BirdLife Malta tħeġġeġ lill-pubbliku jassisti frieħ tal-għasafar tal-baħar li jispiċċaw diżorjentati huma u jħallu l-bejta għall-ewwel darba

Jekk issib Garnija għandek iċċempel mill-ewwel lill-BirdLife

F’dan iż-żmien tas-sena, il-frieħ tal-Garnija jkunu qed iħallu l-bejtiet matul il-lejl u jħejju biex itiru minn fuq l-irdumijiet fejn ibejjet dan l-għasfur tal-baħar. Meta jasal il-mument opportun dawn itiru għall-ewwel darba mill-postijiet remoti fl-irdumijiet, u jużaw id-dawl tal-orizzont bħala gwida biex isibu triqithom ’il barra mill-kosta għal fuq il-baħar.

Madanakollu, dwal qawwija mal-kosta jistgħu jiddiżorjentawhom u jżidu ċ-ċans li minflok fuq il-baħar dawn l-għasafar żgħar jispiċċaw itiru lejn l-art fejn jispiċċaw f’toroq, xtut, portijiet, bliet u rħula jew zoni oħra urbani. Ladarba jinqabdu fuq l-art dawn il-frieħ isibu diffikultà biex itiru lura lejn il-baħar – fejn iqattgħu l-parti l-kbira ta’ ħajjithom – b’periklu saħanistra għall-eżistenza tagħhom.

Fi stqarrija, BirdLife Malta fakkret illi f’Malta għandna 10% tal-popolazzjoni dinjija tal-Garnija li jammonta għal madwar 2,000 par minn dawn l-għasafar tal-baħar li jbejtu f’diversi siti mifruxin madwar il-Gżejjer Maltin. Minkejja f’dan, il-popolazzjoni globali ta’ din l-ispeċi qed tonqos, b’wieħed mill-akbar perikli li jiffaċċjaw huwa t-tniġġis mid-dawl. Is-sorsi prinċipali ta’ tniġġis mid-dawl għall-kolonji tal-Garnija li nsibu fil-Gżejjer ta’ San Pawl, Kemmuna u l-Irdum tal-Madonna fl-Aħrax tal-Mellieħa (fejn hemm l-akbar kolonja tal-Garni f’Malta), huma postijiet bħal Buġibba, il-Qawra, il-Mellieħa, is-Salina u ċĊirkewwa.

Il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta qed jaħdem biex inaqqas kemm jista’ jkun l-impatt tat-tniġġis mid-dawl qrib dawn il-kolonji biex jiżgura l-ħarsien fit-tul ta’ dan l-għasfur tal-baħar. Fl-aħħar snin kienet reġistrata żieda fin-numru ta’ għasafar tal-baħar li ġew salvati wara li spiċċaw maqbudin fuq l-art, speċjalment fl-ewwel tliet snin tal-proġett. Din hija konsegwenza taż-żieda fid-dwal kaġun taliżvilupp, imma hija wkoll riżultat ta’ żieda fil-kuxjenza fost il-pubbliku bis-saħħa
tal-isforzi ta’ BirdLife Malta f’dan ir-rigward. Huwa biss bl-assistenza tal-pubbliku li jirrapporta każi bħal dawn li BirdLife Malta tkun tista’ ssalva l-frieħ tal-Garnija u teħlishom lura matul il-lejl sabiex ikunu jistgħu jkomplu bil-vjaġġ tagħhom fuq il-baħar mingħajr periklu.

Fl-istqarrija, il-BirdLife qalet illi jekk tkun miexi tul xatt il-baħar jew mal-kosta ta’ Buġibba, il-Qawra, il-Mellieħa, is-Salina, iċ-Ċirkewwa jew postijiet oħra bħal dawn tard billejl jew kmieni filgħodu u ssib xi ferħ ta’ Garnija, wieħed għandu jċempel lil BirdLife Malta mill-ewwel u jpoġġi l-għasfur f’kaxxa tal-kartun f’post mudlam sakemm ikun jista’ jinġabar.

Il-ferħ m’għandux jingħata ikel jew ilma. BirdLife Malta mbagħad tiċċekkja l-istat li jkun fih l-għasfur qabel ma teħilsu f’post mingħajr periklu mill-aktar fis possibbli.