Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Draw bejn il-Portugall u Spanja f’logħba mill-isbaħ

Sergio Ramos u Cristiano Ronaldo waqt il-logħba (Ritratt: EPA)

Il-Portugall u Spanja fetħu l-impenji tagħhom minn Grupp B bi draw ta’ 3-3 f’logħba mill-isbaħ. Il-Portugall fetħet l-iskor wara erba’ minuti meta r-referee Gianluca Rocchi ordna penalty għal kuntatt bejn Nacho Fernandez u Cristiano Ronaldo. Mill-11-il metru l-istilla Portugiża għeleb lil David de Gea.

Spanja kisbet id-draw fl-24 minuta b’azzjoni personali ta’ Diego Costa li għeleb lil Rui Patricio b’xutt b’saħħtu. Iżda eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, il-Portugall reġgħet marret minn fuq, fejn reġa’ kien Cristiano Ronaldo li skorja b’xutt minn tarf il-kaxxa, f’azzjoni li de Gea seta’ għamel aħjar.

Spanja ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u ġabu d-draw fil-55 minuta meta Diego Costa kompla għal ġewwa mill-viċin wara daqqa ta’ ras ta’ Busquets minn azzjoni free-kick. L-Ispanjoli marru minn fuq għall-ewwel darba tliet minuti wara, b’xutt sabiħ ta’ Nacho Fernandez li għeleb lil Rui Patricio, bil-ballun jaħbat maż-żewġ naħat tal-lasta qabel daħal fix-xibka.

Spanja dehru destinati għal rebħa importanti iżda Cristiano Ronaldo kellu ħsibijiet oħra, hekk kif ġab id-draw fit-88 minuta bi free-kick stupend li ma ta l-ebda ċans lil de Gea jsalva.