Lokali

FILMAT: L-Oppożizzjoni bi proposti għal liġijiet li jsaħħu l-istituzzjonijiet – Adrian Delia waqt laqgħa mal-Kummissarju Jourova

Fin-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Gvern, l-Oppożizzjoni se tippreżenta diversi proposti għal tibdil leġislattiv bil-għan li jissaħħu l-istituzzjonijiet. Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-introduzzjoni tiegħu waqt laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Vera Jurova.

Iż-żewġ naħat iddiskutew fost oħrajn l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-investigazzjoni dwarha, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-bejgħ tal-passaporti.

Adrian Delia qal li s-settur tas-servizzi finanzjarji inbena f’dawn l-aħħar 25 sena u sa ftit snin ilu, Malta kellha reputazzjoni ta’ ġurisdizzjoni finanzjarja ta’ eċċellenza. Iżda f’dawn l-aħħar snin, kien hemm nuqqasijiet serji fl-infurzar ta’ direttivi, regolamenti ta’ due diligence u fil-liċenzjar ta’ banek. Il-Kap tal-PN qal li l-każ tal-Bank Pilatus ħareġ fil-beraħ mhux biss in-nuqqasijiet fil-proċess ta’ verifika meta ingħata il-liċenzja talli wera ukoll nuqqas ta’ azzjoni konkreta meta l-irregolaritajiet f’dan il-bank ħarġu fil-pubbliku.

Adrian Delia, li hu wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja, qal li hu nkwetanti ħafna li l-FIAU tidher rieqda u inattiva quddiem ċertu każi, partikolarment dawk ta’ sensittivita’ politika.

Dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Adrian Delia qal li dan kien avveniment xokkanti u inaċċettabbli li ma kellu qatt jiġri f’demokrazija Ewropea. Kompla li minkejja li Joseph Muscat wiegħed li se jintużaw ir-riżorsi kollha biex isib dawk responsabbli, sa issa ftit li xejn sar progress sabiex jinstab minn ordna dan il-qtil.  Kompla li kemm il-familja kif ukoll il-poplu Malti jistħoqqlu ġustizzja.

Hu rrefera wkoll għad-diskussjonijiet li kellha l-Kummissarju Jurova dwar leġislazzjoni anti-SLAPP. Adrian Delia fakkar li l-Partit Nazzjonalista kien ressaq abbozz biex jipproteġi lill-ġurnalisti iżda l-Gvern ċaħad dawn l-emendi għax qal li l-emendi imorru kontra l-liġi Ewropea. Issa donnu jidher li dan mhux il-każ u Adrian Delia qal li l-Gvern għandu juri rieda li l-ġurnalisti għandhom ikunu protetti u mhux ikollhom sarima.

Dwar il-bejgħ tal-passaporti, il-Kap tal-PN qal li kien ta’ dieqa’ li wara li l-Parlament Ewropew ivvota b’mod massiċċ kontra din l-iskema, il-Kummissjoni Ewropea dehret li qed tittollera din l-iskema.

Hu kkonkluda billi talab lill-Kummissarju Jourova twassal il-messaġġ sabiex il-piż tal-immigrazzjoni jinqasam bejn kulħadd. Sostna li filwaqt li Malta għandha dejjem tosserva il-liġi marittima internazzjonali u l-obbligi umanitarja, l-Oppożizzjoni se tkun spalla ma’ spalla mal-Gvern fil-protezzjoni tal-interess nazzjonali.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Jourova esprimiet sodisfazzjon għad-dħul ta’ Malta fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew.

Preżenti għall-laqgħa kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici, il-Kelliem għall-Affarijiet Ewropej u Brexit David Stellini u l-Ewroparlamentari Roberta Metsola.