Lokali

FILMAT: Navarro misjub ħati li hedded li jaħraq lil Roberta Metsola ħajja

L-MEP Roberta Metsola taċċetta apoloġija u titlob li ma jintbagħatx il-ħabs

Il-Qorti sabet lil Emmanuel Navarro ħati li s-sena li għaddiet hedded lill-MEP Roberta Metsola, meta fuq Facebook qal li l-MEP għandha tinħaraq ħajja.

Hu ġie kkundannat sitt xhur ħabs – li madanakollu ġew sospiżi għal sena wara li Roberta Metsola laqgħet l-apoloġija tar-raġel u talbet li ma jintbagħatx il-ħabs.

Navarro, ta’ 66 sena min-Naxxar, kien tressaq quddiem il-Qorti Kriminali għall-ewwel darba f’Novembru li għadda. Hu kien akkużat li kien qed jinċita mibegħda fuq bażi ta’ twemmin politiku, jinċita biex jitwettaq reat, theddid u użu mhux xieraq ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni. Il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha kontrih.

Fuq Facebook, Navarro kien kiteb: “Intom, speċjlament int – ja traditura ta’ pajjiżek – mhux kundanna ħaqqkom, imma naħarqukom ħajjin. Demel”.

Għall-bidu, il-Qorti kienet ċaħdet it-talba ta’ Navarro għall-ħelsien mill-arrest proviżorju, iżda aktar tard, hu nħeles għall-kumplament tal-proċeduri kontrih – fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000. Issa, bis-sentenza finali tal-Qorti li sabet lil Navarro ħati tal-akkużi kontrih, ir-raġel ma jistax iwettaq reat ieħor fi żmien sena – għax inkella jintbagħat sitt xhur ħabs.

Għalkemm il-prosekuzzjoni kontra Emmanuel Navarro tmexxiet mill-Pulizija, għall-MEP Roberta Metsola deheru parte civile l-avukati Jason Azzopardi u Karol Aquilina.

Theddid fuq l-Ewroparlamentari Roberta Metsola

Jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq theddid lill-MEP Roberta Metsola