Kunsilli Lokali Lokali

FILMAT: Tħalli l-frott pressjoni mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan biex issir Triq il-Wied

Żewġ siġriet li se jinqalgħu se jkunu qed jerġgħu jiġu mħawwla f'Ħal Balzan stess

Pressjoni qawwija mill-Kunsill Lokali Nazzjonalista ta’ Ħal Balzan ħalliet il-frott hekk kif l-awtoritajiet ħabbru li Triq il-Wied ta’ Ħal Balzan se tkun qed tinbena mill-ġdid.

Triq il-Wied, meqjusa minn ħafna bħala waħda mill-agħar toroq f’Malta, ilha dawn l-aħħar snin tqanqal appelli kontinwi mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan biex issir. Dwar il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq, tkellimna mas-Sindku ta’ Ħal Balzan Ian Spiteri.

“Min jiftakar it-triq qabel sar il-proġett tal-għargħar, ir-residenti kienu jispiċċaw priġunieri fi djarhom peress li ma’ kull qatra xita, kienu jispiċċaw mgħerrqa bix-xita u d-drenaġġ”, fakkar Ian Spiteri. “B’riżultat ta’ hekk, l-infrastruttura tad-drenaġġ hija kollha ħażina, b’katusi saħansitra mkissrin. Għalhekk kien hemm bżonn li t-triq terġa’ tinbena mill-pedamenti tagħha”, żied jgħid.

Is-Sindku ta’ Ħal Balzan qalilna li l-ispiża għal din it-triq hija waħda esorbitanti u għaldaqstant l-unika soluzzjoni kienet li ssir pressjoni fuq il-Gvern ċentrali biex din tkun tista’ ssir.

Sfortunatament, parti mill-proġett se jinkludi t-tneħħija ta’ żewġ siġriet bl-iskop li t-triq titwessa’ sabiex apparti żewġ karreġjati għall-karozzi, jkunu jistgħu jsiru wkoll żewġ bankini – waħda fuq kull naħa.

Dan peress li bħalissa m’hemmx bankini f’din il-parti tat-triq – b’periklu għal għexieren ta’ persuni li jkollhom jissikkaw mal-ħajt biex ma jintlaqtux mill-karozzi li jkunu għaddejjin mit-triq. Fis-snin li għaddew, Transport Malta rrifjutat tal-anqas żewġ applikazzjonijiet tal-Kunsill Lokali biex isiru l-bankini – peress li m’hemmx biżżejjed spazju skont il-liġi.

It-triq tintuża minn ħafna residenti anzjani, kif ukoll tfal li jattendu l-MUSEUM ftit passi bogħod minn fejn bħalissa ma jistgħux isiru bankini peress li t-triq hi dejqa. “Mhux lest nipperikola ħajjet in-nies”, qal is-Sindku ta’ Ħal Balzan waqt li fakkar f’inċident li seħħ madwar erba’ snin ilu meta ttajjret mara b’puschair.

Madanakollu, is-Sindku ta’ Ħal Balzan żied jgħid li ż-żewġ siġriet mhumiex se jinqatlu – għax se jkunu mħawwla f’żewġ postijiet oħra f’Ħal Balzan stess. Dan apparti pjani li għandu l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan biex iżid aktar siġar f’irkejjen differenti ta’ din il-lokalità.