Lokali Saħħa

IL-KAŻ TAD-DEFIBRILLATORS: Il-Ministru Chris Fearne f’paniku; jitlob spjegazzjoni mingħand is-CEO

Ritratt: Matthew Tabone
"...bir-raġun li Ivan Falzon ikollu jdejh marbutin..."

Ir-rapport pubblikat mill-ġurnal IN-NAZZJON aktar kmieni din il-ġimgħa dwar defibrillators bla batterija f’numru ta’ swali fl-Isptar Mater Dei wassal għal paniku fl-Uffiċċju ta’ Ivan Falzon, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni, aktar u aktar wara li mill-Ministeru ntalab spjega għal dak li qed jiġri.

Sorsi li tkellmu mal-ġurnal fissru kif b’dan ir-rapport il-Ministru Chris Fearne għal darba oħra nqabad fuq sieq waħda u l-burdata tiegħu kienet tixhed dan sa minn kmieni filgħodu.

Matul il-ġurnata tal-Erbgħa – wara li fl-istess Sptar Mater Dei kien rifless il-paniku f’dan ir-rigward filwaqt li f’ċerti każi min imexxi l-istess swali kien sodisfatt li kien kopra dahru b’korrispondenzi elettroniċi fis-sens li l-apparat ma kienx qed jiffunzjona – kien hemm diversi żviluppi f’dan ir-rigward. Saħansitra kien kuntattjat ukoll kuntrattur li jipprovdi tali apparat li forna lit-Tmexxija tal-Isptar b’apparat ġdid li l-istaff ma kienx kapaċi jħaddem!

Barra minn hekk aktar tard matul il-ġurnata fuq insistenza tal-Ministeru tas-Saħħa, inħarġet stqarrija biex tipprova tbenġel ir-rapport f’In-Nazzjon. F’liema stqarrija Ivan Falzon jammetti li iva f’Mater Dei kien hemm swali li kellhom id-defibrillator ma jiffunzjonax kif meħtieġ.

Fl-istqarrija tiegħu l-Gvern qal li: “L-Isptar Mater Dei jixtieq jiċċara li l-apparat kollu użat fl-isptar Mater Dei hu ċċertifkat għall-użu.

“Kull makkinarju f’Mater Dei hu suġġett għal ħsara, għaldaqstant, l-Isptar Mater Dei għandu team ta’ inġiniera li jkunu xogħol il-ħin kollu, kif ukoll tista’ tinġieb ukoll għajnuna teknika minn terzi persuni għal dan il-għan.

“L-Isptar Mater Dei jikkonferma li kien hemm każ fejn apparat wieħed minn madwar 113 madwar l-isptar, ġie identifikat waqt spezzjonijiet ta’ rutina li ma laħħaqx il-parametri meħtieġa biex jiżguraw operazzjoni sigura u effettiva jekk ikun hemm bżonn jintuża. Immedjatament l-isptar ħa l-prekawzjonijiet meħtieġa biex tali ċirkustanzi jiġu mitigati. F’dan il-każ l-isptar għandu apparat ta’ riserva biex jibdel l-apparat li jkun ġie identifikat bħala ‘difettuż’.

“Il-batteriji tad-defibrillators kollha ġew iċċekkjati, fejn id-defibrillators kollha apparti wieħed instabu li qegħdin jaħdmu sew. Seba’ defibrillators minn 113 se tkun qed tinbidililhom il-batterija hekk kif il-batterija riesqa lejn il-massimu użu tagħha.

“L-Isptar Mater Dei jappella lil sezzjonjiet tal-midja biex jevitaw milli jallarmaw bla bżonn kwistjonijiet ta’ saħħa. L-isptar Mater Dei jassigura lill-pubbliku li fi kwalunkwe każ jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji li jwasslu biex il-ħaddiema tagħna jagħtu l-aqwa kura lil pazjenti tagħna taħt kull ċirkustanza.”

Fir-rapport pubblikat minn In-Nazzjon nhar l-Erbgħa żvelajna kif numru ta’ swali fl-Isptar Mater Dei għandhom id-defibrillator tagħhom ma jaħdimx minħabba li l-batterija tiegħu ma għadhiex isservi.
Żvelajna wkoll kif sorsi qalulna li minkejja li min imexxi dawn is-swali kien, ġimgħat ilu, ġibed l-attenzjoni dwar dak li seta’ jiġri, dan kollu waqa’ fuq widnejn torox bir-riżultat li iva issa numru ta’ swali fl-Isptar Mater Dei spiċċaw bla servizz ta’ defibrillator.

Il-makkinarju ta’ defibrillator hu essenzjali f’kull sala fl-Isptar Mater Dei biex f’każ ta’ emerġenza fejn pazjent jagħtih attakk tal-qalb, dan ikun jista’ jintuża fil-ħin u immedjatament biex hekk il-pazjent ma jilħaqx imut.