Internazzjonali

Jagħlqu portijiet taż-żejt Libjani wara attakk fuq terminal

It-terminal ta’ Ras Lanuf spiċċa l-mira ta’ attakk, bir-riżultat li ħa n-nar talanqas tank fis-sezzjoni għall-ħażna taż-żejt. Sadnittant, il-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt tal-Libja ħarġet direttivi biex jieqaf ix-xogħol f’dan it-terminal, kif ukoll fit-terminal ta’ Es Sider, minħabba ċ-ċirkustanzi diffiċli.
Fl-istess ħin, kompla l-ġlied lejn in-nofsinar ta’ Ras Lanuf bejn qawwiet leali għall-Armata Nazzjonali tal-Libja mmexxija minn Khalifa Haftar u gruppi armati rivali. L-indikazzjonijiet kienu li l-gruppi armati attakkaw it-terminals taż-żejt, bl-istess aggressuri, imbagħad, jispiċċaw suġġetti għal offensiva mill-qawwiet tal-ajru ta’ Haftar.
Dan wara rapporti li l-Armata ta’ Haftar kienet irtirat mill-inħawi taż-żewġ portijiet.
Fl-2016, din l-Armata ħadet il-kontroll ta’ Ras Lanuf u Es Sider, flimkien ma’ portijiet taż-żejt oħrajn, bir-riżultat li dawn setgħu jiftħu mill-ġdid wara li kienu spiċċaw taħt assedju fit-tul.
Il-ftuħ tat-terminals mal-ewwel ta spinta sinifikanti lill-produzzjoni taż-żejt mil-Libja.
Għalkemm ħafna mit-tankjiet għall-ħażna taż-żejt f’dawn it-terminals għad iridu jissewwew wara li ġarrbu l-ħsarat fil-battalji preċedenti, hu minnu li kienu qed jitgħabbew il-kunsinni taż-żejt regolari fuq il-bastimenti fil-port ta’ Es Sider.
Sadanittant, kelliema għall-Koporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt qalu li din il-korporazzjoni evakwat lill-istaff kollu miż-żewġ terminals f’miżura ta’ prekawzjoni. Fl-istess ħin, it-telf ‘immedjat’ fil-produzzjoni taż-żejt kien meqjus fuq bażi ta’ 240,000 barmil għal kull ġurnata, waqt li talanqas tanker kellu jinżamm barra mill-port ta’ Es Sider.
Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt, Mustafa Sanalla, wissa li t-telf tal-produzzjoni seta’ jitla’ ‘għal 400,000 barmil kuljum’ f’każ li kellha tkompli s-sitwazzjoni. Hu żied li ċ-ċirkustanzi kienu ‘diżastrużi’ għal-Libja li tiddependi fuq l-introjtu miż-żejt.