L-awtoritajiet lokali fil-Bavarja jistgħu jibdew jibgħatu lill-immigranti lura minn nhar it-Tnejn bħala parti minn rewwixta li qed theddid l-awtorità tal-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel. Dan kapaċi jsir b’riżultat ta’ taħditiet ta’ kriżi bejn il-Partit CDU ta’ Merkel u l-partit sieħeb CSU li kienu ilhom alleati ta’ xulxin mill-1949.
Horst Seehofer tas-CSU, qal li għandu l-awtorità – fir-rwol tiegħu bħala l-Ministru Ġermaniż għall-Intern — biex jibgħat lura lill-immigranti mingħajr l-approvazzjoni ta’ Merkel. Hu qal li l-barranin mingħajr dokumenti ta’ identità jew l-immigranti li vjaġġaw lejn il-Ġermanja minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx dritt għal kenn politikufil-Ġermanja taħt il-liġi tal-UE. Il-liġi partikulari tisħaq li l-ewwel pajjiż fl-Ewropa fejn jirfes l-immigrant hu responsabbli għalih.
Markus Soeder, membru ieħor tas-CSU, qal, fir-rwol tiegħu bħala ‘Prim Ministru’ tal-Bavarja li ‘jeħtieġ jieqaf it-turiżmu bil-għan għall-kenn politiku’. Hu sostna li ‘il-Ġermanja ma tistax tistenna l-ħin kollu għall-Ewropa iżda teħtieġ tieħu passi bħala Stat indipendenti’. Intant, Soeder tenna li Angela Merkel ‘ma tistax iżżomm lill-awtoritajiet fil-Bavarja milli jaġixxu u jieħdu l-mizuri legali’.
Min-naħa tagħha, Angela Merkel ħeġġet lill-Partit CSU biex jibqa’ lura minn kull azzjoni sakemm il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea jiltaqgħu fi Brussell fit-28 ta’ Ġunju.
Pressjoni fuq Merkel minħabba l-immigrazzjoni


