Lokali

FILMAT: “Iħossni qed ngħix ħajja bla skop”

NET News iżur garaxx li fih jgħixu omm u t-tifel tagħha bla dawl u ilma - ma tistax tleħħaq mal-ispejjeż tal-kera

Għal sena sħiħa, omm u tifel li t-tnejn ibatu minn kundizzjonijiet partikolari ta’ saħħa, ilhom jgħixu ġo garaxx – fid-dlam, mingħajr servizz tal-ilma u lanqas elettriku.

Imbikkma, u b’rieda kbira li ttejjeb il-kundizzjoni tal-għejxien ta’ binha, l-omm fetħet qalbha. “Jien kont miżżewġa, isseparajt minn mar-raġel, mort ngħix għand ommi u missieri, iżda missieri qabditu dipressjoni u ma riedx jaċċettani. It-tifel ibati minn kundizzjoni ta’ ADHD, u jieħu l-mediċina kuljum. Biex tikri post, jien ma naffordjax nikri”, qalet din l-omm.

F’dan il-garaxx mudlam u umduż, din il-familja ta’ tnejn lanqas għandha fejn tista’ tagħmel il-bżonnijiet tagħha jew tinħasel – anzi minflok jgħixu f’post b’nuqqas ta’ arja, u fejn fil-ftit minuti li domna ġo dan il-garaxx dehru wkoll il-wirdien tilgħajn mal-ħitan.

Tkellmet ukoll dwar il-problemi tagħha ta’ saħħa li qed ikidduha, fejn it-tifel ikollha tieħdu għal diversi drabi fil-ġimgħa għall-kura mhux biss medika minħabba l-kundizzjoni medika ta’ ADHD, iżda anke għal terapija psikoloġika. Żiedet li minbarra l-problemi tat-tifel, hi ċċertifikata minn tabib li ma tistax taħdem minħabba l-kundizzjoni medika tagħha. Fl-aħħar post tax-xogħol li kellha, kienet twaqqfet minħabba li bir-roda u l-pressjoni li kienet taqbadha waqt il-ħin tax-xogħol kienet tkisser l-oġġetti.

Spjegat kif għaddiet minn ħafna – fejn anke raqdet iljieli ġo karozza, u marret tgħix f’xelters mat-tifel, iżda minħabba l-kundizzjoni tat-tifel ma segħtetx tibqa’ hemm. L-omm qalet li hi kienet saħansitra marret tgħix ġo xelter fil-Belt Valletta, iżda binha ma riedx jgħix ma nies oħra u kien il-ħin kollu jipprova jsib gallarija biex minnha jaqbeż.

Qalet li f’dan il-post fejn jgħixu, saħansitra marru l-awtoritajiet u huma jafu bil-kundizzjoni tagħhom iżda s’issa għadhom jistennew risposta.

L-omm qalet li filgħaxija tibża’ tagħlaq għajn ma’ għajn – u minħabba li f’dan il-garaxx lanqas hemm reception tal-mobile, jekk allaħares qatt jiġri xi ħaġa ta’ emerġenza, ħadd ma jkun jaf x’sar minnhom.

 

Muntaġġ: Kevin C Bonello