In-negozjati li ilhom għaddejjin bejn il-Gvern u l-Union Maltija tal-Qwiebel u l-Infermieri (MUMN) għal dawn l-aħħar seba’ xhur, fallew. B’konsegwenza ta’ hekk, se jkunu qed jitħabbru azzjonijiet industrijali mill-qwiebel u l-infermieri kollha.
Ħabbar dan is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea f’e-mail li bagħat lill-membri tal-MUMN, li fiha qal li l-union iddeċidiet li tirreġistra tilwima industrijali “b’effett immediat” mal-Ministeri kollha konċernati.
In-negozjati fallew wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, l-MUMN irċeviet kontro-proposti mingħand il-Gvern, wara xhur ta’ negozjati bejn iż-żewġ partijiet.
Madanakollu, jirriżulta li malli l-union analizzat il-proposti tal-Gvern, ħareġ li dawn il-proposti huma ħafna agħar mill-istandards li kienet qed tinnegozja l-MUMN għall-ftehim settorjali ġdid għall-infermieri u l-qwiebel.
Fost oħrajn, il-Gvern rema’ minn fuq il-mejda tad-diskussjoni l-proposta ta’ Early Retirement Scheme. Il-Gvern lanqas ma ndirizza titjib fil-pagi għal ħaddiema ta’ ċertu skaluni tas-servizz, waqt li żamm iż-żieda tan-Nursing Premium f’livell baxx.
Fid-dawl ta’ dan kollu, fost affarijiet oħra, l-MUMN iddeċidiet li tirreġistra tilwima industrijali mal-Gvern u fil-jiem li ġejjin mistenni jitħabbru l-azzjonijiet industrijali.
“Konna wissejniekom li ġej sajf jaħraq”, qal is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN lill-membri tal-Union. “Wasal iż-żmien li nieħdu ħsieb tagħna u tal-familji tagħna”, temm jgħid.
//= $special ?>