Hekk kif is-sena d-dieħla l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jivvota f’żewġ elezzjonijiet, dawk tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista għaddej b’ħidma ma tieqaf qatt biex jagħżel l-aħjar kandidati li se jkunu qegħdin jirrappreżentawh.
NET News tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli dwar il-proċess li minnu għaddej il-Partit Nazzjonalista biex jagħżel l-aqwa persuni li se jikkandidaw ruħhom biex jiġu eletti u jaħdmu għal-lokalitajiet rispettivi, u anke fil-Parlament Ewropew. Clyde Puli semma’ kif xhur ilu l-Partit Nazzjonalista beda jfittex kandidati ġodda biex jikkontestaw l-elezzjoni, fejn b’suċċess għall-Kunsilli Lokali hemm diġa’ 188 kandidat, b’55 minnhom huma nies ġodda li se jikkontestaw għall-Partit Nazzjonalista. Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista diġa’ għamel kuntatt ma’ numru ta’ kandidati biex jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, u għad jonqos biss li tingħata l-konferma mill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Clyde Puli stqarr li l-Partit Nazzjonalista għandu proċess stabbilit u ċar ta’ kif iridu jiġu approvati l-kandidati fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Semma’ kif l-organi tal-Partit Nazzjonalista ilhom żmien li ntalbu biex iressqu ismijiet ta’ nies validi biex jikkontestaw l-elezzjoni. Fosthom, il-Kumitati Sezzjonali fl-irħula u l-ibliet, u anke l-fergħat tal-Partit Nazzjonalista ssuġġerew l-ismijiet ta’ nies biex ikunu jistgħu jiġu avviċinati mill-Partit Nazzjonalista. Anke Membri Parlamentari f’dak ta’ Malta u dak tal-Ewropa stess intalbu jressqu l-ismijiet ta’ kandidati.
Filfatt, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli rribatta artiklu skorrett li ġie ppubblikat mill-ġurnal The Times of Malta li skorrettament allega ksur tal-istatut tal-Partit Nazzjonalista fil-proċess għall-għażla tal-kandidati. Semma’ kif hu kien sopriż meta ra allegazzjoni bħal din mingħajr ebda bażi, minn ġurnal li ssoltu jkollu stejjer reputabbli ħafna.
Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli tenna li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn proċess ta’ tiġdid. Żied li b’dawn l-għażliet ta’ persuni ideali biex ikunu kandidati hu wieħed importanti, li fih il-Partit Nazzjonalista se jkun qed juri t-tiġdid li qed isir.
//= $special ?>