Lokali

FILMAT: Koalizzjoni favur il-ħajja titlob laqgħa urġenti mal-President ta’ Malta

Il-President tilqa' t-talba għal laqgħa urġenti

Aġġornata

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet it-talba ta’ tliet għaqdiet favur il-ħajja biex issir laqgħa urġenti qabel il-vot finali ta’ nhar it-Tlieta dwar l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni.

Il-President offriet lill-għaqdiet li tiltaqa’ magħhom għada fil-11.30 ta’ filgħodu.

Aktar kmieni…

Koalizzjoni ta’ attivisti ġejjin minn diversi għaqdiet favur il-ħajja, bagħtu ittra lill-President ta’ Malta biex jitolbu laqgħa urġenti magħha qabel ma jittieħed il-vot finali fuq l-abbozz ta’ liġi li se jbiddel il-liġi preżenti dwar il-protezzjoni tal-embrijuni.

L-ittra ntbagħtet lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ftit jiem qabel nhar it-Tlieta li ġej jittieħed vot finali fuq emendi li permezz tagħhom il-Gvern se jdaħħal l-iffriżar tal-embrijuni.

Il-koalizzjoni hija magħmula mill-Fondazzjoni Gift of Life, il-Fondazzjoni Life Network u l-‘Unborn Child Movement’ – u fl-ittra talbu li ssir din il-laqgħa sabiex dawn l-għaqdiet ikunu jistgħu jispjegaw it-tħassib serju li għandhom dwar it-tibdil li se jidħol fis-seħħ u l-konsegwenzi ta’ dan it-tibdil.

“Il-proċess ta’ konsultazzjoni ma seħħx fl-ispirtu ta’ dak li ssuġerejt int”, qalu l-għaqdiet favur il-ħajja lill-President ta’ Malta fl-ittra tagħhom, waqt li talbu li ssir laqgħa b’urġenza.

L-ittra, li kienet ippubblikata għall-media, intbagħtet lill-President jumejn wara li fi stadju ta’ kumitat, il-Gvern għadda proposti li ma jipproteġux il-ħajja. L-istadju ta’ kumitat kien l-aħħar stadju qabel it-tibdil li jrid idaħħal il-Gvern jidħol fis-seħħ b’vot finali li se jittieħed nhar it-Tlieta li ġej fil-Parlament.