Il-Gvern u l-gruppi tal-Oppożizzjoni fin-Nikaragwa qablu dwar waqfien mill-ġlied wara ġimgħat ta’ vjolenza li ssarrfu f’talanqas 170 mejtin, Intant, mistenni li titwaqqaf ‘kummissjoni għall-verità’ biex tistabbilixxi d-dettalji ta’ ċerti sitwazzjonijiet, bl-investigaturi internazzjonali għandhom jitħallew jidħlu fin-Nikaragwa.
It-taħditiet għall-paċi fin-Nikaragwa kienu sponsorjati mill-Knisja Kattolika. Dan wara jiem ta’ protesti mdemmija li bdew fid-19 ta’ April, wara li l-Gvern tal-President Nikaragwen, Daniel Ortega, impona l-qtugħ għall-pensjonijiet u l-programmi tas-sigurtà soċjali.
Waqt li maż-żmien kienet twarrbet il-politika dwar il-qtugħ, il-protesti żvolġew f’dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern ta’ Ortega, fejn ħarġu l-eluf tan-nies fit-toroq.
L-uffiċjali tal-Gvern, il-gruppi tas-soċjetà ċivili fl-Oppożizzjoni u l-Isqfijiet Kattoliċi issa qed jinsistu għal waqfien assolut tal-vjolenza u t-theddid min-naħat kollha. Huma qalu wkoll li l-‘kummissjoni għall-verità se tinvestiga l-imwiet u l-atti vjolenti kollha li seħħew fl-aħħar jiem fin-Nikaragwa, minbarra li tidentifika lill-persuni responsabbli.’
//= $special ?>

