Il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, sejjaħ lill-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, biex huma, flimkien, jegħlbu ‘sitwazzjoni ddominata b’nuqqas ta’ fiduċja f’xulxin’, filwaqt li kkonferma l-isforzi lejn summit bejn il-Ġappun u l-Korea komunista.
Il-Prim Ministru Ġappuniż qal li l-Gvern tiegħu kuntattja diġà lit-Tmexxija fi Pyongyang fost tentattivi biex issir laqgħa bejnu u Kim Jong-un. Hu rappurtat li waqt it-taħditiet storiċi ta’ jiem ilu, f’Singapore, bejn Kim u l-President Amerikan, Donald Trump, il-Mexxej Korean komunista kien qal li jinsab ‘dispost għal laqgħa ma’ Abe’.
L-istqarrija konġunta mis-summit ta’ Singapore sostniet li Kim Jong-un qabel dwar ‘id-denuklearizzazzjoni sħiħa tal-Peniżola Koreana’.
Sadanittant, Shinzo Abe qal, waqt l-intervista, li pajjiżu hu lest biex jgħin jiffinanzja l-ispejjeż għad-denuklearizzazzjoni fil-Korea ta’ Fuq ‘bħala ħaġa naturali għall-Ġappun u pajjiżi oħrajn li jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-theddida tal-armi nukleari fir-reġjun tagħhom’.
L-impenn mill-Ġappun, iżda, hu marbut mar-riżoluzzjoni tal-issue li tinvolvi l-ħtif, snin ilu ta’ ċittadini Ġappuniżi, bil-għan li jgħinu lir-reġim fi Pyongyang iħarreġ lill-ispjuni tiegħu.
//= $special ?>


