Il-Kanċillier tal-Awstrija, Sebastian Kurz, qed jittama li l-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea jilħqu ftehim għat-tisħiħ tal-aġenzija Frontex li qed tħares is-sigurtà mal-fruntieri, ladarba huma jiltaqgħu għal laqgħa informali, f’Settembru.
Meta kellem lill-gazzetta Der Standard, Kurz għamilha ċara li jrid li s-sigurtà u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali tingħata priorità waqt il-Presidenza Awstrijaka tal-UE li tibda x-xahar id-dieħel. Hu, intant, kien ikkwotat li għandu jimpenja ruħu għal ftehim politiku dwar it-tisħiħ tal-Frontex, kif ukoll għal estensjoni tal-mandat tal-aġenzija. Kurz qed jaħseb ukoll għal ‘pass kbir lejn il-kontroll aħjar tal-fruntieri esterni’.
Il-Kanċillier Awstrijak sostna li hemm differenza bejn UE ‘li toħloq karigi ġodda għall-uffiċjali li jintroduċu r-regoli ġodda’ u ‘l-ingaġġ, mill-UE, ta’ uffiċjali li jikkumbattu lit-traffikanti tan-nies’.
Dan meta l-Awstrija hi favur li l-UE tibdel il-politika minn waħda għar-rilokazzjoni tar-refuġjati fl-Istati tagħha għal waħda li tikkonċentra aktar fuq miżuri li jevitaw ‘aktar mewġ ta’ immigranti lejn l-Ewropa’.
//= $special ?>

