Suldati tal-Jemen appoġġjati minn koalizzjoni taħt it-tmexxija tal-Arabja Sawdija qalu li ħatfu l-kontroll tal-ajruport ta’ Hudaydah, li sa ftit ilu kien f’idejn ir-ribelli Houthi.
Intant, u filwaqt li l-Houthi ma ammettewx għad-disfatta militari, dehru li naqsu sew l-inċidenzi tal-ġlied fiċ-ċentru u l-port ta’ Hudaydah. Intant, il-port f’Hudaydah hu importanti ħafna peress li jilqa’ l-kunsinni trasportati mill-baħar għall-miljuni tal-Jemeni f’periklu li jmutu bil-ġuh.
Il-port ta’ Hudaydah hu l-uniku port ewlieni fil-Jemen li hu kontrollat mill-Houthi u r-rappreżentant speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, Martin Griffiths, illum mar fil-kapitali Sanaa għal taħditiet ta’ emerġenza dwar is-sitwazzjoni f’dak il-port. Dan waqt li tħejjew il-proposti lir-ribelli Houthi ( li jikkontrollaw Sanaa) biex huma jċedu l-kontroll fuq il-belt sħiħa ta’ Hudaydah lil kumitat issorveljat min-NU ħalli jevitaw aktar tixrid tad-demm.
L-offensiva fuq ir-ribelli f’Hudaydah ilu għaddej il-jiem u qed jitmexxa mill-Emirati Għarab Magħquda. Sorsi qrib l-Emirati Għarab qalu, intant, li qawwa ewlenija magħmulha minn truppi tagħhom, suldati tal-Jemen u truppi Sudaniżi jinsabu fuq ‘standby’ fl-Eritrea f’każ li jkunu jinħtieħġu għal kampanja militari ‘finali’ intiża biex telimina lill-aħħar ribelli f’Hudaydah.
//= $special ?>

