Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

TAZZA TAD-DINJA: Il-Peru jpattu qares għall-iżbalji kontra d-Daniżi

PERU……………………………..0
DANIMARKA…………………1

Id-Danimarka kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra l-Peru f’logħba li fiha dawn tal-aħħar kienu l-aktar perikolużi imma ma għarfux jisfruttaw l-okkażjonijiet li kellhom.

Il-Peruvjani saħanistra fallew penalty u ta’ dan pattew qares għax tilfu l-ewwel konfront tagħhom f’dan il-grupp.

Għall-Peru dan kien ritorn fit-Tazza tad-Dinja wara nuqqas ta’ 36 sena imma ma kinx wieħed daqstant feliċi hekk kif issa jittamaw li jwettqu reazzjoni fil-logħba li jmisshom kontra avversarju aktar diffiċli mid-Danimarka, Franza. Minn naħa tagħhom id-Danimarka issa jmisshom jilagħbu kontra l-Awstralja.

Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima l-peru setgħu marru fil-vantaġġ. Dan meta r-referee, wara li kkonsulta mal-VAR, ordna penalty favur il-Peru għal fawl ta’ Poulsen fuq Cueva.

Madankollu l-istess CUEVA, mill-11-il metru spara l-ballun għoli biex l-ewwel taqsima ntemmet fi draw ta’ 0-0.

Il-Peruvjani ma qatgħux qalbhom u hek kkif bdiet it-tieni taqsima komplew jattakkaw u fis-57 minuta marru ferm viċin meta Andre Carillo u Edison Flores tfixklu f’xulxin hekk kif pruvaw jitfgħu l-ballun fix-xibka.

Żewġ minuti wara d-Daniżi kkastigaw lill-Peru meta f’azzjoni ta’ kontra attakk, Eriksen qassam lejn POULSEN li skurja mill-viċin għal 1-0.

Wara dan il-gowl daħal jilgħab għall-Peru l-captain Jose Guerrero li kien qed jirritorna wara li tnaqqsitlu sospensjoni għal doping u dan mal-ewwel kellu ċans b’daqqa ta’ ras fl-64 minuta li kienet salvata mill-gowlkiper Kasper Schmeichel.

Kwarta wara reġa’ kien l-attakkant li falla ċans kbir hekk kif b’takkuna mill-isbaħ ra l-ballun imur ftit barra. L-attakki minn naħa tal-Peru ma waqfux u din id-darba Kasper Schmeichel għamel save mill-aqwa fuq Farfan biex b’hekk id-Danimarka ddefendew il-vantaġġ sat-tmiem.

Din kienet l-ewwel telfa li sofrew il-Peru fl-aħħar 16-il logħba.

Fatt interessanti hu li fil-passat, il-Peru dejjem lagħbu kontra t-tim li eventwalment spiċċa biex rebaħ it-Tazza tad-Dinja.

Fl-1930 kienu affrontaw lill-Urugwaj, fl-1970 lagħbu kontra l-Brażil, fl-1978 lagħbu kontra l-Arġentina u kontra l-Italja fl-1982. B’hekk, Franza, d-Danimarka u l-Awstralja għandhom għalxiex jitbissmu jekk huma supertizzjużi.