Spiċċa iż-żmien tar-retorika, fl-immigrazzjoni teħtieġ soluzzjoni fuq livell Ewropew.
F’Artiklu fil-ġurnal Sunday Times of Malta, il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-proposta li qed titressaq mill-Kanċillier tal-Awstrija Sebastian Kurz fejn qed jiġi suġġerit li jitwaqqfu ċentri ta’ lqugħ fl-Afrika stess li jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-kenn u b’hekk jispiċċaw il-vjaġġi fuq il-baħar.
Madanakollu, kompla Adrian Delia, din il-proposta trid tinħadem fl-isfond ta’ rispett u ħarsien sħiħ tad-drittijiet u d-dinjita’ tal-bniedem u għaldaqstant għandu jkun hemm l-involviment ta’ aġenziji umanitarji bħall-Kummissjoni Għolja tan-NU dwar ir-Refuġjati.
Hu qal li madanakollu, is-soluzzjoni fit-tul hi li jkun hemm djalogu ma’ pajjiżi Afrikani. Is-summit dwar il-migrazzjoni li kien seħħ f’Malta fl-2015 kienet idea tajba iżda ma jidhirx li kien segwit minn xi progress reali.
Fil-gazzetta The Sunday Times, Adrian Delia qal li l-kwistjoni tal-bastiment Aquarius reġgħet qajjmet it-tħassib dwar l-immigrazzjoni. Għaqqdet lill-Maltin fid-difiża tal-interess nazzjonali. u kwalunkwe aġir intimidatorju se jerġa’ jsib lill-Maltin magħqudin.
Hu qal li d-dikjarazzjonijiet fl-aħħar jiem mill-Ministru Toninelli u mid-Deputat Prim Ministru Salvini huma inaċċettabbli u ddeplora n-nuqqas ta’ rispett muri lejn il-President ta’ Malta minn Deputati Taljani li telqu ‘l barra meta bdiet id-diskors tagħha waqt żjara fi Sqallija.
Adrian Delia qal, fl-artiklu li kiteb f’The Sunday Times, li minkejja dan l-aġir, l-affarijiet m’għandhomx ikomplu jeskalaw għaliex iż-żewġ pajjiżi għandhom storja u interessi komuni u sfidi li jeħtieġu soluzzjonijiet fuq livell ewropew.
Hu fisser it-tħassib tal-poplu Malti dwar il-possibilita’ ta’ influss qawwi u qal li fir-realta’ m’aħniex f’pożizzjoni li nserrħulu rasu għax filwaqt li skont il-liġijiet internazzjonali l-Aquarius kellu jmur l-eqreb port, jiġifieri Lampedusa, jista’ jkun hemm każi fejn dgħajjes ikunu iktar qrib Malta, speċjalment jekk dawn ikunu telqu minn Misrata minflok Tripli.
//= $special ?>