Jekk il-ġimgħat li għaddew għall-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta kienu ġimgħat diffiċli, kollox jindika li għall-ġimgħat li ġejjin u meta nkunu fl-eqqel tas-sajf, is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar u l-kaos mhux eskluż.
Il-gazzetta il-mument rrappurtat li l-kumpanija hija inkompetenti biex tiffaċja sitwazzjonijiet bħal dawn li evolvew minħabba nuqqas ta’ pjanar serju, rifless f’titjiriet ikkanċellati, f’għadd ġmielu ta’ titjiriet li jitilqu tard… u fuq kollox f’dewmien għall-passiġġieri.
Il-mument irrappurtat li jekk ftit ġimgħat ilu biss, il-Gvern wasal biex ikkonkluda ftehim mal-piloti tal-kumpanija, issa qiegħed jerġa’ jberraq bil-kbir għax kumpanija Ċiniża li qed tagħmel reklutaġġ temporanju ta’ piloti għal mal-kumpanija Maltija, jista’ jkun li qed toffrilhom kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar. Dan jista’ jqajjem ferment kbir fil-kumpanija.
Il-piloti attwali huma konxji tal-fatt li t-tmexxija tal-kumpanija qabdet kumpanija Ċiniża għar-reklutaġġ internazzjonali ta’ piloti fuq bażi temporanja. Dan bħala miżura ddisprata biex tipprova ssolvi l-problemi ta’ titjiriet ikkanċellati, titjiriet li jittardjaw u ħafna dewmien.
Madankollu dan ir-reklutaġġ temporanju l-kumpanija Ċiniża jirriżulta li qed tipprova tagħmlu billi toffri pakketti mill-aktar attraenti… u possibbilment ferm aħjar minn dak li qed jibbenefikaw minnu l-piloti atttwali. Dan qed jitqies bħala inġust mill-istess piloti attwali li qed jargumentaw li huma dejjem kienu leali lejn il-kumpanija.
Dan ir-reklutaġġ ta’ piloti temporanji – għal żmien sitt xhur biss – qed isir permezz tal-kumpanija Ċiniża Wasinc International u dak li qed ikun offrut għal dawk interessati hu pakkett ta’ tliet jew sitt xhur b’salarju ta’ €10,000 fix-xahar. Naturalment il-kuntratt jistipula wkoll akkomodazzjoni mingħajr ħlas kemm għal dawk li jkunu ngaġġati u anki għall-familja tagħhom, flimkien ma’ benefiċċji oħrajn.
Pakketti simili vantaġġjużi qed ikunu offruti wkoll għal First Officers li qed jingħataw salarju ta’ €5,000 flimkien ma’ akkomodazzjoni mingħajr ħlas, vjaġġi mingħajr ħlas għall-familja u benefiċċji oħrajn.
“Nuqqas ta’ ppjanar b’detriment għall-industrija tat-Turiżmu” – Robert Arrigo
Sadanittant, il-gazzetta il-mument tkellmet mal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister dwar it-Turiżmu Robert Arrrigo li enfasizza li l-problemi li qed tiffaċċja l-Air Malta huma r-riżultat tan-nuqqas ta’ pjanar serju u li kaġun ta’ dawn il-problemi, qiegħed ikun effettwaw is-settur turistiku.
Robert Arrigo wera l-preokkupazzjoni tiegħu għall-fatt li l-linja nazzjonali tal-ajru li kienet tgawdi r-rispett ta’ kulħadd, illum qiegħda fuq fomm kulħadd minħabba dawn l-inċidenti kontinwi b’riżultat tan-nuqqas ta’ pjanar serju u professjonali. Hu qal li f’dan il-mument, hu jappella lil dawk kollha responsabbli biex jagħmlu l-affarijiet b’serjetà u bi professjonalità.
//= $special ?>