Lokali

FILMAT: L-iffriżar tal-embrijuni: Muscat jgħaġġel il-vot biex jevita iżjed pressjoni

Meta nhar it-Tlieta li ġej il-Parlament mistenni jiltaqa’, l-ewwel fuq l-aġenda se jkun hemm it-teħid tal-vot għall-emendi mressqa mill-Gvern ta’ Joseph Muscat biex fil-pajjiż Jiddaħħal l-iffriżar tal-embrijuni.

Minkejja li fil-jiem li għaddew il-Kamra, fi stadju ta’ Kumitat, iddiskutiet l-emendi mressqa mill-Gvern – liema emendi sabu oppożizzjoni qawwija mis-soċjetà inġenerali u mhux b’inqas mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista – issa l-Gvern b’ħafna għaġġla jrid li l-vot kruċjali għal dawn l-emendi jittieħed nhar it-Tlieta li ġej meta kollox kien previst li dan jittieħed minn hawn u ġimagħtejn oħra.

Iżda l-Gvern ta’ Joseph Muscat qiegħed jagħmel minn kollox biex filwaqt li jdaħħal fis-seħħ dawn l-emendi għal din il-Liġi, ifittex ukoll jarkivja l-kontroversja li matul l-aħħar xhur għamlitlu ħafna ħsara ħsara kemm internament kif ukoll fis-soċjetà b’mod inġenerali.

Il-Prim Ministru, bil-manuvra tiegħu li dwar dawn l-emendi jittieħed vot fuqhom nhar it-Tlieta filgħodu, irid li jekk possibbli sa qabel il-vaganzi tas-sajf l-Abbozz ta’ Liġi approvat mill-Parlament jilħaq imur għand il-President ta’ Malta għall-firma finali. Hu ovvju li l-Prim Ministru ma jridx imur għall-vaganzi tas-sajf qabel ma tgħaddi tiegħu dwar dan l-argument u finalment il-President ta’ Malta tiffirma d-dokument finali biex hekk, skont hu, is-suġġett ma jibqax fuq quddiem tad-diskussjoni nazzjonali għaliex jintesa mal-vaganzi tas-sajf.

Dawk li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ il-mument dwar dan kollu fakkru wkoll li l-ħafna għaġla tal-Prim Ministru dwar dawn l-emendi tmur lura għal bosta ġimgħat meta saħansitra l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista kien imċaħħad milli jiddiskuti bis-serjetà l-kwistjoni tal-iffriżar tal-embrijuni.

George Vella u Deborah Schembri kienu fost l-esponenti Laburisti li opponew dak li jrid idaħħal Muscat

Filfatt, dawn l-emendi ħolqu firda fi ħdan il-Partit Laburista bil-fazzjonijiet prinċipalment ikunu tnejn – dawk tal-Prim Ministru u dawk li huma warajh fl-appoġġ għal tali emendi biex isiru liġi, u dawk li qed jimmilitaw kontra għaliex tassew jemmnu li dawn l-emendi mhux veru li jipproteġu u jħarsu l-ħajja.

Fost dawn hemm Deborah Schembri u l-eks-Ministru George Vella – tkellmu bil-miftuħ kontra dak li jrid jagħmel il-Prim Ministru u dawk ta’ madwaru f’Kastilja. Qed jinsistu li dan hu insult għad-dinjità tal-bniedem.