Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li hu favur influss ta’ barranin f’Malta, għax skont Muscat, l-ekonomija hekk għandha bżonn.
Hu qal dan meta kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tar-radju Laburista.
Waqt li ftaħar li hu l-ewwel wieħed li jgħid li hemm bżonn li jiġu l-barranin f’pajjiżna, Muscat żied jgħid ukoll li pajjiżna jiflaħ għal dan l-influss.
“Hawn ix-xogħol li jiflaħ jixrob dan l-influss. U jkun hemm min jgħidlek ‘Jekk dejjem tgħidu li hawn bżonn il-barranin, x’differenza tagħmlilkom?’. Huwa punt ukoll ta’ prinċipju. Jien l-ewwel wieħed li ngħid li hemm bżonn jiġu l-barranin f’pajjiżna ħalli jkomplu jkabbru l-ekonomija”, qal Muscat.
Filwaqt li ġġustifika l-pożizzjoni tiegħu favur aktar barranin f’Malta billi qal li l-importanti hu li kull barrani li jiġi f’Malta jkun dokumentat, Muscat żied jgħid li pajjiżna għandu waħda mill-ogħla rati ta’ persuni li jirreġistraw għall-ażil anke jekk min japplika għall-ażil ma jkunx ġie Malta illegalment.
“Kellna ħafna Libjani, nies li jiġu mil-Libja b’mod leċitu u mhux illegalment; Libjani li jiġu jgħixu fostna u li minħabba s-sitwazzjoni fil-Libja, japplikaw għall-ażil. Għandek sitwazzjoni ta’ nies li jidħlu l-Italja, jew f’pajjiżi oħra, jiġu jfittxu xogħol hawn Malta u japplikaw għall-ażil hawn”, żied jgħid.
L-intervista fuq l-istazzjon Laburista ma kinitx l-ewwel okkażjoni li fiha Muscat qal li jrid lil Malta miftuħa iktar għall-barranin.
Sadanittant, filwaqt li ddedika l-maġġor parti tal-intervista għas-suġġett tal-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qajla tkellem fuq is-suġġett tal-iffriżar tal-embrijuni – li se jdaħħal il-Gvern b’vot finali nhar it-Tlieta. Tul l-intervista, lanqas ma qal għaliex irid vot malajr kemm jista’ jkun fil-Parlament – ġimgħatejn qabel kif kin miftiehem.
//= $special ?>