Lokali

FILMAT: “Soċjetà li jimpurtaha mill-interess nazzjonali u li tinġarr ir-responsabbiltà” – Adrian Delia

Dan hu attakk minn pajjiżna fuq pajjiżna, attakk mill-Gvern fuq is-servizzi finanzjarji. Aħna se nibqgħu nkunu l-vuċi tan-nies li jaħdmu f’dan is-settur u li maż-żmien saħħewh. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq Radio 101.

Adrian Delia qal li matul is-snin, in-nies irnexxielhom jagħmlu minn Malta ċentru tas-servizzi finanzjarji mill-aqwa, iżda l-Gvern Laburista qed ikisser din ir-reputazzjoni tajba. Spjega kif meta ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew Věra Jourová, iddefenda s-settur finanzjarju ta’ Malta, li hu wieħed tajjeb, iżda li l-Gvern ippermetta li jsiru l-abbużi u nuqqasijiet serji.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni, l-interess nazzjonali għandu dejjem jiġi l-ewwel u qabel kollox. Dan wara l-każ tal-immigranti abbord il-vapur Aquarius, fejn sostna li Malta għandha tibqa’ konformi mal-ħarsien tal-liġijiet internazzjonali.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tkun attiva fl-Ewropa biex il-pajjiżi kollha tal-Unjoni jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom għax il-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari hi problema tal-Ewropa kollha.

Għamel referenza wkoll għall-Każ Carmelo Abela, fejn qal li l-Ministru għandu jġorr ir-responsabbiltà tad-deċiżjoni li jqabbad Ħaddiema tal-Gvern għal xogħolijiet fir-residenza tiegħu. Qal li għadda żmien u l-Ministru Abela għadu ma refax ir-responsabbiltà politika. Barra minhekk, il-Prim Ministru baqa’ sieket, bħalma baqa’ sieket il-Ministru Chris Cardona, li wkoll ma ġarrx ir-responsabbiltà tal-ġiti li tħallsu mit-taxxi tal-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fis-settur tal-Ġustizzja, ukoll mhix tintrefa’ responsabbiltà għax filwaqt li l-Ministru Owen Bonnici qed jilgħab bin-numri tal-kawżi, hawn min ilu s-snin jistenna biex issir ġustizzja. Kompla kif bħal f’setturi oħra, il-Gvern ma jinteressahx mill-Ġustizzja għax irid li dan jiddgħajjef u jassigura li jkun hawn Imħallfin li b’xi mod jew ieħor kienu assoċjati mal-Partit Laburista.

Adrian Delia qal li l-ħaddiema u l-familji qed jaffaċċjaw aktar piżijiet, speċjalment f’żidiet fil-prezz ta’ affarijiet essenzjali bħall-ikel u l-enerġija. Dan meta l-istatistika tal-Eurostat ikkonfermat li l-inflazzjoni f’Malta, f’Mejju kienet tammonta għal 1.7% jew żieda ta’ 0.6% fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li fl-istess waqt, 80% tan-nies qed jinsterqu għad-dawl u l-ilma għax il-Gvern qed iħaddem ħażin is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet. Hu semma’ eżempji ta’ familji li ħallsu aktar għad-dawl u l-ilma li kkonsmaw, fosthom familja minn Ħ’Attard li ħallsu €174 aktar, filwaqt li famija minn Ħaż-Żabbar ħallsu €231 aktar.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mar għand l-istituzzjonijiet b’dak li ħareġ mill-kontijiet li n-nies ħadu fid-Dar Ċentrali u qed jistenna li jinvestigaw dan is-serq. Dan hekk kif lanqas għal dan is-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ħadd mhu qed iġorr ir-responsabbilità.

Erġa’ segwi l-intervista b’mod sħiħ