Lokali

Ħamsa jweġġgħu wara li nqelbu bil-karozza f’Burmarrad

Ħames persuni weġġgħu wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ illum waranofsinhar f’Burmarrad. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.30pm fi Triq Burmarrad, bil-ħames feruti kienu fl-istess karozza.

Jirriżulta li l-karozza tat-tip Nissan Juke, misjuqa minn raġel ta’ 52 sena, kienet fid-direzzjoni mill-Mosta lejn San Pawl il-Baħar meta, hekk kif waslet qrib ir-roundabout magħrufa bħala tal-Erba’ Mwieżeb, laqtet ħajt tas-sejjieħ fil-ġenb tat-triq u nqelbet.

Flimkien max-xufier, fil-karozza kien hemm ukoll anzjan ta’ 70 sena, kif ukoll mara ta’ 48 residenti Santa Luċija, mara ta’ 59 sena residenti l-Marsa, u tfajla ta’ 19-il sena residenti Santa Luċija. Minbarra l-Pulizija u tim mediku b’Ambulanza, fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li għenu biex xi wħud mill-feruti setgħu jinħarġu mill-karozza.

Il-feruti ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, bl-anzjan u l-mara ta’ 59 sena kienu ċċertifikati li qed isofru minn feriti gravi.

Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.