Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Iċ-champions tad-dinja megħluba mill-Messiku

Joachim Löw (Ritratt: EPA)

Iċ-champions tad-dinja l-Ġermanja sfat megħluba 1-0 mill-Messiku, fil-partita tal-ftuħ minn Grupp F. Dan ir-riżultat fisser ukoll li għat-tielet edizzjoni konsekuttiva, iċ-champion renjanti naqas li jirbaħ l-ewwel logħba.

Il-Messiku fetħet l-iskor fil-35 minuta. Kien kontrattakk veloċi b’Javier Hernandez u Andres Guardado jħabbtu l-ballun bejniethom. Hirving Lozano rċieva l-ballun, ġibed għan-nofs u b’xutt fuq l-ewwel lasta għeleb lil Manuel Neuer.

Reazzjoni immedjata tal-Ġermanja tliet minuti wara, bi free-kick ta’ Toni Kross li impenja lill-gowlkiper Guillermo Ochoa qabel ma ħabat mal-mimduda. Kwarta mit-tmiem, Kross reġa’ mar viċin b’konklużjoni li għaddiet ftit barra.

Il-midfielder Ġermaniż kellu tentattiv ieħor fl-84 minuta b’xutt ieħor fil-baxx, iżda Ochoa salva f’darbtejn. Ċans ieħor għall-Ġermanja fid-89 minuta b’xutt  minn barra l-kaxxa tas-sostitut Julian Brandt li għadda ftit barra.