Internazzjonali

Iffirmat ftehim storiku bejn il-Greċja u l-Maċedonja

Il-Greċja u l-Maċedonja ffirmaw ftehim storiku li bih hemm tama li tintemm tilwima antika dwar l-isem tal-Eks Repubblika Jugoslava.
Skont il-ftehim, l-Eks Repubblika Jugoslava li għandha fruntiera komuni mal-Greċja, se tkun magħrufa uffiċjalment bħala l-Maċedonja tat-Tramuntana.
S’issa minħabba tħassib territorjali tal-Greċja peress li għandha provinċja li jisimha Maċedonja, il-Greċja kienet qed timblokka s-sħubija tal-Maċedonja fin-NATO u l-Unjoni Ewropea f’din il-polemika li ilha sejra 26 sena.
Il-Prim Ministri taż-żewġ pajjiżi, Alexis Tsipras għall-Greċja u Zoran Zaev għall-Maċedonja, ilbieraħ attendew għall-iffirmar tal-ftehim mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tagħhom Nikos Kotzias u Nikola Dimitrov.
Għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll preżenti Rosemary di Carlo, is-Sotto Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet Politiċi, Matthew Nimetz, il-medjatur tan-Nazzjonijiet Uniti fil-kwistjoni, Federica Mogherini, il-kap tal-politika barranija tal-UE u Johannes Hahn, il-Kummissarju Ewropew għat-Tkabbir.
L-iffirmar sar fir-raħal ta’ Psarades tul il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll l-Albanija.
Ġurnata qabel, f’Ateni, kien hemm protesti kontra dan l-iffirmar u kien hemm folla ta’ madwar 500 dimostrant li ppruvaw jersqu lejn Psarades imma kienu mwaqqfa minn preżenza qawwija tal-Pulizija.
Imma f’ Psarades, hekk kif kien qed ikun iffirmat il-ftehim, indaqqu l-qniepen f’sinjal ta’ luttu. Ħafna fil-Greċja jemmnu li hemm Maċedonja waħda u din hi l-provinċja Griega. Tsipras is-Sibt rebaħ vot ta’ sfiduċja minħabba din il-kwistjoni u issa l-ftehim irid ikun ratifikat għalkemm mhux mistenni li jkun hemm problemi kbar peress li diġà rebaħ il-vot ta’ sfiduċja minħabba f’hekk.